Notifiki

George Hyzler maħtur Kummissarju dwar l-Istandards

Fil-Palazz il-Belt Valletta, l-Avukat George Hyzler inħatar uffiċjalment bħala l-ewwel Kummissarju dwar l-Istandards u l-etika fil-politika għal mandat ta’ ħames snin.

Kariga li nibtet minn wegħda tal-Partit Laburista u fost oħrajn se twassal biex il-Kummissarju jinvesta d-dikjarazzjoni tal-assi tal-Ministri u d-Deputati u jinvestiga każi ta’ mgieba ħażina u ksur tal-etika.

 

B’din il-liġi, se jitwaqqaf ukoll kumitat parlamentari għall-Istandards li se jitmexxa mill-Ispeaker b’diversi setgħat ta’ dixxiplina fuq il-persuni fil-ħajja pubblika.

Waqt iċ-ċerimonja tal-ħatra, Dr Hyzler, li għamel snin twal  fit-tmexxija tal-Kamra tal-Avukati ta ħajr liż-żewġ naħat tal-Kamra tal-fiduċja fih:

“Nittama li nista nirrikambjaha billi naġixxi kif mistenni minni bl-iktar mod imparzjali u bilanċjat u fl-istess ħin nittama li l-kontribut tiegħi jista’ xi ftit jew wisq jgħin biex il-Parlament ikompli dejjem jiżviluppa fis-sens li tiżdied il-kredibiltà u r-reputazzjoni tagħna”

Mistoqsi dwar il-prioritajiet tiegħu, Dr Hyzler qal li hemm il-bini tal-uffiċċju u l-kultura tal-iskrutinju:

“Aħna s’issa il-membri tal-Parlament tagħna u l-persuni maħtura minnhom fil-Ministeri taħt position of trusts m’hemmx il-kultura li qed ikun taħt skrutinju, naturalment hemm il-midja, il-midja dejjem għandha dik il-funzjoni, però mhux b’mod investigattiv u bil-poteri li għandu dan l-uffiċċju”.

Id-Deputat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-ħolqien ta’ dil-kariga hija turija li l-Parlament, il-poplu u l-Gvern jemmnu fit-trasparenza:

“Għandek is-saħħa fost affarijiet oħra li tifli d-dikjarazzjonijiet finanzjarji ta’ kull Ministru, ta’ kull Segretarju Parlamentari, ta’ kull Membru Parlamentari u tieħu azzjoni fuqhom. Għandek ukoll is-saħħa li tara kollha kemm aħna inżommu lilna nfusna mal-kodiċi t’etika li issa huma stipulati anke bil-liġi li għaddejna fil-Parlament ftit tal-ġranet ilu”.

Żied jgħid li l-fatt li l-ħatra ngħatat lil xi ħadd mill-kamp oppost tal-Gvern juri li m’hemmx influwenza tal-Gvern fuq il-kariga.

Il-President ta’ Malta Marie Louise Coleiro Preca qalet li issa hemm il-fakultà li wieħed jirreferi għal dan il-Kummissarju f’każ ta’ allegazzjonijiet:

“Se jkun qiegħed ta’ skrutinju l-Membri Parlamentari bil-Minsitri u anke n-nies ta’ fiduċja tagħhom allura se tagħti wkoll serħan tal-moħħ. Hemm issa l-mod u fejn wieħed jista’ jdur u allura jista’ jserraħ moħħ in-nies u jagħti aktar kontabiltà”

Dr Hyzler kien innominat mill-Partit Nazzjonalista, bil-Grupp Parlamentari Laburista jaċċetta n-nomina fuq rakkomandazzjoni tal-Prim Ministru Joseph Muscat li sostna li b’din il-ħatra ried jintbagħat sinjal b’saħħtu li l-Parlament huwa lil hinn minn kwistjoni ta’ Gvern.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend