BIL-FILMAT: Tista’ tippjana t-tieġ f’erbat ijiem… – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Tista’ tippjana t-tieġ f’erbat ijiem…

Tul dawn l-erbat ijiem bosta għarajjes Maltin se jsibu ftit serħan il-moħħ hekk kif se jkunu qed jippjanaw il-ġurnata tat-tieġ tagħhom minn post wieħed.

Dan hekk kif qed tittella’ t-23 edizzjoni tal-Weddings & Events Exhibition fit-tinda tal-MFCC f’Ta Qali.

L-organizzatriċi tal-esebizzjoni, Joan Haber, saħqet li l-koppji jistgħu faċilment ilestu t-tħejjijiet għal-ġurnata tat-tieġ tagħhom f’dawn l-erbat ijiem tal-esebizzjoni:

“Hawn min jista’ jagħmel it-tieġ kompletament f’dawn l-erbat ijiem. Għandna dħul b’xejn, allura jidħlu kemm–il darba jridu biex forsi l-ewwel jaraw, jiltaqgħu wiċċ imb’ wiċċ mal-esebituri, u imbgħad jiddeċiedu u jordnaw. Hija fiera fejn hawn ħafna affarijiet sbieħ, stands ta’ livell għoli, dejjem kulħadd jiġi b’xi ħaġa ġdida biex jiġbed in-nies lejh”.

Il-Ministru Helena Dalli, li żaret il-ftuħ tal-esebizzjoni saħqet li llum iċ-ċelebrazzjonijiet tat-tieġ saru kbar ħafna u għalhekk dawn ukoll jikkontribwixxu għall-ekonomija tal-pajjiż hekk kif minnu jinbet settur sħiħ li jdur ma din iċ-ċelebrazzjoni.

Il-Ministru Dalli qalet li l-gvern għandu għal qalbu ħafna lil koppji li jkunu jridu jikkonfermaw imħabbithom lejn xulxin. Dan jidher f’bosta miżuri li dan il-gvern qed jintroduċi:

“Il-gvern qiegħed jgħin anke lill-koppji li se jiżżewġu billi għandhom għotja ta’ €2,000, qed jgħin lil dawk li jkunu se jixtru d-dar tagħhom, l-ewwel dar tagħhom, jew inkella dawk li se jixtru dar f’ċentru urban fejn qed jagħti sussidji lil dawk. Jiġifieri l-gvern qed jgħin ħafna lil koppji li se jiżżewġu”.

Il-fiera se tkun miftuħa mis-18:00 ‘l quddiem sas-Sibt, bil-Ħadd l-esebizzjoni tiftaħ fis-14:30 sad-21:00.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend