“Budget bid-difetti, xott u fqir” – Adrian Delia – One News

Notifiki

“Budget bid-difetti, xott u fqir” – Adrian Delia

B’dan il-mod il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia fetaħ id-diskors ta’ reazzjoni tiegħu għall-budget 2019.

Diskors ta’ ftit inqas minn sagħtejn li mill-bidu tiegħu deher li Delia  se jkun negattiv u mizgħud b’attakki u kritika. Diskors fejn imita lill-Kap preċedenti Simon Busuttil, u qal li dan il-gvern jiftaħar b’dak li għamel Gvern Nazzjonalista.

Delia qal li dan huwa “Budget li hu fqir ħafna. Ma ssib xejn fil-Budget dwar opportunitajiet. Issib ftaħir b’rix ħaddieħor. Budget xott”

Il-budget 2019 huwa it-tieni budget bla taxxi, it-tielet budget b’surplus, ir-raba’ budget b’żieda  fil-pensjonijiet u s-seba’ budget bi tnaqqis fl-income tax.

Għax il-gvern kompla jsaħħaħ dawn il-miżuri  u servizzi bħa-childcare b’xejn, Adrian Delia sejjaħ dan il-budget bħala wieħed riċiklat.

Delia qal li l-Gvern “irriċikla l-ideat tiegħu stess, ċertifikat tar-reċiklaġġ”

Adrian Delia injora l-fatt li dan il-gvern se jerġa jżid il-pensjonijiet. Bis-sena li ġejja l-pensjonanti se jaraw zieda ta’ €4.50 fil-ġimgħa fil-pensjoni tagħhom.

Iżda Delia sejjaħ dan bħala ” il-loqma li se jagħti l-anzjani”

F’dagħdiha ta’ negattivà sabiex ikompli jikkritika l-budget, Delia sejjaħ lill-Ministru għall-Finanzi iċċassat.

Adrian Delia  għamel għadd ta’ zballji fattwali. Qal li Malta mhux attraenti għall-investiment, iżda jgiddeb lil Delia hemm stħarriġ tal-EY li juri kif 74% tal-investituri barranin jemmnu li Malta hija attraenti għall-investiment dirett barrani li s-sena li għaddiet ammonta għal €142 miljun.

“Gvern bla pjan” kienet id-dikjarazzjoni li rrepeta Delia ħafna drabi, li qal li qed ngħixu f’pajjiż “bla pjan għall-housing soċjali. Dan irid isir bi pjan li hu ċar li l-gvern m’għandux”

Aktar minn hekk, qal li l-ħidma tal-gvern fl-ekonomija fiha għadd ta’ difetti.

Iżda f’dawn l-aħħar sitt snin, pajjizna għamel suċċessi ekonomiċi kbar. Bl-ekonomija qiegħda tikber b’mod robust u għandna tkabbir ekonomiku ta’ 5.9%.

Suċċess li waqt id-diskors tiegħu Adrian Delia  kellu jagħmel referenza għalih, imma qal li dan is-suċċess huwa grazzi għal Gvern Nazzjonalista.

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li dan kollu sar “bis-saħħa tal-viżjoni tal-partit Nazzjonalista fil-gvern. Dan il-Gvern mhux kapaċi jkabbar l-ekonomija, u wiret ekonomija b’saħħitha.”

F’waqtiet Delka ntilef u ta eżempji surreali ta’ kif skont hu l-ekonomija qed tikber.

Hu qal li “f’din il-kamra nistgħu ngħidu li jekk tgħaqqadna kollha f’daqqa għandna tkabbir ekonomiku.”

F’waqtiet isteriċi, għal iktar minn darba infexx jgħajjat li qegħdin l-agħar fl-Ewropa.

Delia qal li “Qegħdin l-aħħar fl-Ewropa. Dak l-aqwa żmien.Flok miexjin ‘il quddiem, miexjin lura bħal granċ”

F’sagħtejn, Adrian Delia ma tkellimx dwar il-viżjoni tal-Partit Nazzjonalista għall-pajjizna. Kritika biss u tant kemm ma kienx jaf x’se jaqbad jgħid, li beda jitkellem dwar Bill Gates, tant li qal “nistiednu lil Bill Gates u nixorbu x-xampanja.”

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li d-diskors tal-Kap tal-Oppożizzjoni hu diskors ta’ politiku maqtugħ mir-realtà li jipprova jbeżża’ mill-progress u li m’għandux fiduċja f’pajjiżu u n-nies tiegħu.

Jekk pajjiżna jieħu l-attitudni ta’ Adrian Delia jispiċċa jmur lura u mhux ‘il quddiem. Minkejja d-diskors negattiv ta’ Delia, il-Maltin  jafu li llum qed jgħixu aħjar minn sitt snin ilu.

Jafu wkoll li jekk jieħdu l-pariri ta’ Delia llejla jmorru lura u mhux ‘il quddiem.

Il-Partit Laburista qal li fuq kollox illum kien ikkonfermat li l-poplu jaf li ma’ dan il-gvern jibqa’ jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tiegħu, iżda ma’ Delia jista’ biss imur lura għal żmien meta dan il-pajjiż kien jiddiskuti l-piżijiet u mhux il-benefiċċji.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend