Filmat: L-Oppożizzjoni tkompli tqarraq – One News

Filmat: L-Oppożizzjoni tkompli tqarraq

Meta kien qed jindirizza attività politika fil-Gżira, il-Prim Ministru Joseph Muscat tkellem ukoll dwar il-mod kif l-Oppożizzjoni qed tqarraq fir-reazzjoni tagħha għal budget.

Spjega kif l-Oppożizzjoni pruvat tagħti l-impressjoni li dawk bil-paga minima se jieħdu biss iż-żieda tal-għoli tal-ħajja, li kif stabbilita bi qbil bejn l-imsieħba soċjali hi ta’ €2.33.

Filwaqt li fakkar li ħadd m’hu se jagħmel iżjed minn sena bil-paga minima, il-Prim Ministru qal li dawk li jaqilgħu l-inqas se jieħdu iżjed minn sempliċiment iż-żieda fil-għoli tal-ħajja. 

 

“Li min qiegħed fuq il-minimum wage mhux talli jieħu l-COLA, talli jieħu ewro fuq il-COLA. Allura ż-żieda għal min qiegħed fil-minimum wage m’hiex €2.33, hija €3.33. Over and above, immaġinaw ħbieb tiegħi”.

Il-Prim Ministru spjega li f’eżerċizzju sempliċi li kien isir fl-imgħoddi, kont tinduna meta pajjiżna kien ikun se jaffaċja elezzjoni għaliex il-Gvern tal-ġurnata kien iroxx il-bżar fl-għajnejn f’budget imressaq lejliet l-elezzjoni biex imbagħad fil-budget ta’ wara l-elezzjoni, il-pajjiż kien ikun ikkaratterizzat mill-issikar taċ-ċinturin minħabba li d-defiċit kien jisplodi ‘l fuq.

Hawnhekk il-Prim Ministru qal li dan mhux mod responsabbli kif jitmexxa pajjiż, u dan il-Gvern huwa f’pożizzjoni li jqassam il-ġid għax qed tikber l-ekonomija.

Il-Prim Ministru saħaq li l-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia qed jagħti l-impressjoni li dan it-tkabbir fl-ekonomija ġej miż-żieda fil-popolazzjoni:

“U l-ekonomija, kif qal il-Ministru Scicluna, ma tkabbarhiex billi tgħid għax qed iġġib in-nies minn barra. Huwa argument frankament, mhux biss qatt ma smajtu, imma jdaħħakni”.

Il-Prim Ministru fisser din id-dikjarazzjoni ta’ Adrian Delia bħala surreali.

“U l-mara u r-raġel ikunu qegħdin jitkellmu, jgħidu mhux qegħdin inlaħħqu ta. Qegħdin erba’ min-nies f’din id-dar u mhux qegħdin inlaħħqu mal-ħajja, mhux qegħdin inlaħħqu ma’ xejn. Kif se nagħmlu? U r-raġel jgħid ‘smajt lil Delia jitkellem u qalilna jekk jiżdiedu n-nies tikber l-ekonomija, mela issa nagħmlu żewġ babies oħra ħalli nkattru l-ġid’”.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *