Preżentata uniformi ġdida għall-uffiċjali fil-kommunità – One News

Notifiki

Preżentata uniformi ġdida għall-uffiċjali fil-kommunità

L-Uffiċjali fil-Komunità issa għandhom uniformi gdida. L-uniformi l-ġdida ġiet ipprezentata waqt ċerimonja fil-preżenza tas-Segretarju Parlamentari Silvio Parnis. Il-bdil tal-uniformi huwa pass ieħor fir-riforma tas-sistema ta’ dawk li kienu l-gwardjani lokali.

Is-Segretarju Parlamentari Parnis spjega kif waħda mill-prijoritajiet hija li jkun hemm iktar rispett lejn uffiċjali komunitarji li jaħdmu biex tinżamm l-ordni fil-pajjiż:

“Bdilna l-isem għal Uffiċjali tal-Komunità, bdilna l-uniformi, se nkunu sejrin fil-ġimgħat li ġejjin f’post ġdid, se jkollhom ukoll il-karozzi u l-muturi u dak kollu li jridu jaħdmu bih. Kollox modern u kollox għaż-żminijiet tal-lum. Ma nistgħux li Uffiċjali tal-Komunità ikunu inqas minn ħaddieħor”.

Iżda l-iktar pass importanti se jkun fil-ġimgħat li ġejjin meta se jibda jiġi nnegozjat ftehim kollettiv ġdid:

Il-collective agreement bejn il-ħaddiema, bejn il-LESA u l-unjins biex intejbu wkoll il-ħajja ta’ dawn l-Uffiċjali tal-Komunità”.

B’referenza għal każ fil-jiem li għaddew ta’ uffiċjal li salva ħajja ta’ persuna li kienet fil-periklu, huwa qal li xogħol l-uffiċjali m’huwiex biss dak li jagħtu u jiġbru l-flus miċ-ċitazzjonijiet.

Il-Kap Eżekuttiv tal-Aġenizja Ray Zammit qal li uniformi hija libsa li ġġorr responsabbilità kbira. Qal li l-uniformi l-ġdida hija aktar dinjituża u rispettata u sostna li b’dan il-pass qed titwettaq wegħda oħra fil-manifest tal-Gvern.

Bħalissa hemm iktar minn 120 uffiċjal fil-komunità, b’terz minnhom ikunu nisa. Dan l-ammont se jiżdied fil-ġimgħat li ġejjin hekk kif hemm madwar 45 rekluta li qegħdin jieħdu t-taħriġ.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend