Sena mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia – One News

Sena mill-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia

Il-Jum tat-Tlieta mmarka l-ewwel anniversarju mill-qtil brutali tal-blogger Daphne Caruana Galizia.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-ħsibijiet tal-Gvern huma mal-familja u l-ħbieb li bla dubbju għadhom imnikkta b’dan l-att insensat ta’ vjolenza, u sosta li li jinsab determinat biex issir ġustizzja.

50 jum wara dan il-qtil, tliet persuni kienu arrestati u mressqa l-Qorti mixlija li wettqu dan il-qtil.

Il-Gvern saħaq li jrid jara li min hu responsabbli jinstab u issir ġustizzja, waqt li stqarr li se jkompli jagħti sostenn lix-xogħol kollu li qiegħda tagħmel il-Pulizija u lill-Maġistrat inkwirenti li qed jaħdmu biex tinstab il-verità kollha.

Il-Gvern saħaq li Malta tibqa’ kommessa li tirrispetta id-drittijiet tal-bniedem, il-libertà tal-espressjoni, il-protezzjoni tal-ġurnalisti kif ukoll is-saltna tad-dritt.

Saħaq li dan l-anniversarju ta’ niket huwa tifkira tal-bżonn li naħdmu kollha flimkien biex nipproteġu il-libertajiet li soċjetà demokratika tħaddan.

Intant, matul il-jum saru diversi attivijiet biex ifakkru l-memorja ta’ Daphne Caruana Galizia. F’Dar il-Medieterran għall-Konferenzi fil-Belt, il-Membru Parlamentari Ewropew Nazzjonalista David Casa ġab f’Malta Ewroparlamentari barranin.

Ewlenin fosthom, l-Ewroparlamentari Portugiża Ana Gomes.

Fil-konferenza, Gomes qalet li ma saritx investigazzjoni serja dwar il-qtil ta’ Caruana Galizia. Dan anke jekk fl-investigazzjonijiet, l-awtoritajiet Maltin ħadmu id f’id mal-Europol u l-FBI. Fl-istess waqt hija ppruvat tirredikola l-arrest tat-tliet persuni.

Intant, matul il-jum, il-Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia mar ipoġġi l-fjuri quddiem ’l hekk imsejjaħ monument spontanju faċċata tal-qorti fil-Belt.

Dwar Delia, Daphne Caruana Galizia kienet allegat kif għandu flus f’kont bankarju f’Jersey ġejjin mill-prostituzzjoni. Fl-istess waqt kitbet li nies qribu heddewha b’ħajjitha.

Dan ftit tal-jiem qabel ma’ Delia sejħilha b’ton aħrax “biċċa blogger”.

Fi stqarrija, il-Partit Laburista qal li l-Partit Nazzjonalista ftit li xejn jista’ jkun kredibbli meta jitkellem dwar il-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia, ladarba għandu Kap li żeblaħha bi kliemu meta kienet ħajja, u nies li jappoġġjawh, lissnu kliem ta’ theddid fil-konfront tagħha.

Il-Partit Laburista qal li minn dan il-qtil, li ma jirrappreżentax lis-soċjetà Maltija, Delia jrid jieħu biss kapital politiku. Iżda, sostna li hemm realtà differenti minn dik li qed ipinġi.

Sostna li l-istituzzjonijiet f’pajjiżna, li l-Partit Nazzjonalista l-ħin kollu jrid jimmina, wasslu biex illum b’dan il-qtil hemm tliet persuni akkużati l-Qorti. Qal li hija ħasra li l-aġir ta’ esponenti fil-Partit Nazzjonalista tul l-aħħar sena taw x’jinfitiehem li ma jiddejqux ifixklu l-ġustizzja għal għanijiet politiċi partiġġjani.

It-talbiet li issa qed jgħamel il-Kap tal-Oppożizzjoni biex jiġbor ġieħu ma’ fazzjoni li ma tarax għajn m’għajn miegħu wkoll jistgħu jimminaw l-investigazzjoni li hemm għaddejja, temmet tgħid l-istqarrija tal-Partit Laburista.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend