Il-PM jisħaq li se jibqa’ jiddefendi l-istituzzjonijiet – One News

Notifiki

Il-PM jisħaq li se jibqa’ jiddefendi l-istituzzjonijiet

Fid-diskors tiegħu fl-attività politika fiċ-Ċentru Laburista fil-Qala f’Għawdex, il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li dan il-gvern jaħdem għall-familji Maltin u mhux jedha fl-ispekulazzjoni u z-zekzik.

B’referenza għal dak li qal l-eks kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil fil-Parlament din il-ġimgħa dwar Egrant, il-Prim Ministru saħaq li hekk kif kulħadd għandu d-dritt li jemmen li jrid, anke Simon Busuttil għandu d-dritt li jibqa’ jagħżel li jemmen l-ikbar gidba politika fl-istorja ta’ pajjiżna.

Madankollu fi kliemu, l-kumplament tas-soċjetà tidħaq b’min jgħid dawn l-affarijiet.

Huwa rrefera għall-ittra li l-Gvern kiteb lil Venice Commission tal-Kunsill tal-Ewropa – sabiex isiru r-rakkomandazzjonijiet u jsir it-tibdil fl-istituzzjonijiet jekk ikun meħtieġ.

Dan għax kif qal hu, dan il-gvern mhux supperv u jrid jaħdem ma’ kulħadd u jsaħħaħ ir-rule of law.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat saħaq li Simon Busuttil jirrikorri għall-Qorti meta jaqbillu biss biex imbgħad meta ma jaqbilx ma’ dak li ssib il-Qorti idur kontra l-istituzzjoni.

“Simon Busuttil ilu sejjer b’files għand maġistrati, jien tlift il-kont, tlift il-kont.  Files, kaxxi, kaxxi mhux files, kaxxi.  Dieħel għand il-maġistrat, imbgħad dieħel għand maġistrat ieħor, issa ħarġet l-ewwel waħda minn dawn l-inkjesti u l-ewwel waħda minn dawn l-inkjesti qaltlu, minn dak li għidt m’hemm xejn.  Anzi, l-affarijiet li għidt kienu bbażati fuq dokument illi kien fih firem foloz.”

Il-Prim Ministru kkummenta dwar id-dettalji maħruġa fil-ġurnali lokali li qed juru li dak li ġie rrapurtat barra minn xtutna iktar kmieni din il-ġimgħa b’relazzjoni ma’ telefonati dwar il-qtil kundannabbli ta’ Daphne Caruana Galizia, ma kienx veritier.

“Għalxejn toqgħod titkellem fuq ir-rule of law jekk imbgħad timmina is-saltna tad-dritt f’pajjiżna.  Jien li nista’ ngħid bħala prim ministru  huwa li l-istituzzjonijiet tal-pajjiż kont għadni u ħa nibqa niddefendihom.”

Żied li minn naħa tiegħu hemm ħafna x’jixtieq jgħid fuq l-inkjesta dwar il-gidba Egrant, iżda d-dmir tiegħu bħala prim ministru jibqa’ l-ġid ta’ pajjiżna.

“Kemm nixtieq ngħid affarijiet, kemm nixtieq inwieġeb mistoqsijiet, imma d-dmir tiegħi l-ewwel u qabel kollox mhuwiex la politiku, la ta’ mexxej ta’ partit bir-rispett kollu lejna li hawn miġburin hawnhekk, id-dmir tiegħi l-ewwel wieħed huwa lejn l-istat malti u dak id-dmir ħa jibqa’ hemmhekk.”

Qalb in-negattività u l-attakki tal-oppożizzjoni, il-prim ministru Joseph Muscat innota l-għaqda fil-Partit – li miexi qaqoċċa.

“Dan huwa l-ispirtu tal-moviment, dan huwa l-ispirtu li se nkomplu nkabbru flimkien dan huwa l-ispirtu li rrid nara għal Mejju li ġej flimkien biex verament nibnu l-Malta t’għada.”

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend