Il-Gvern se jibqa’ kalm u seren biex jieħu l-aqwa deċiżjonijiet għall-familji Maltin u Għawdxin – One News

Il-Gvern se jibqa’ kalm u seren biex jieħu l-aqwa deċiżjonijiet għall-familji Maltin u Għawdxin

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Adrian Delia, għandu jiddikjara minnufih jekk jaqbilx mad-dikjarazzjoni li għamel id-deputat Simon Busuttil fil-Parlament, li Egrant hi tal-Prim Ministru Joseph Muscat.

Iddikjaraw dan il-Whip tal-Grupp Parlamentari Laburista Byron Camilleri u d-Deputat Edward Zammit Lewis f’konferenza tal-aħbarijiet.

Fil-Parlament, Simon Busuttil tilifha, u f’mument isteriku iddikjara li huwa kburi b’dak li għamel u li Egrant hija tal-Prim Ministru.  Dan minkejja li hemm inkjesta Maġisterjali li tgħid b’mod ċar li Egrant kienet gidba bbażata fuq dokumenti foloz u frodi.

B’reazzjoni, id-Deputati Byron Camilleri u Edward Zammit Lewis staqsew x’se jagħmel issa l-Kap Nazzjonalista Adrian Delia, li sa tliet xhur ilu, kien qed jitlob li tinġarr ir-responsabbiltà politika minn Simon Busuttil.

Iż-żewġ Deputati Laburista qalu li Adrian Delia għandu jgħid jekk hux se jagħmel tiegħu id-dikjarazzjoni ta’ Simon Busuttil. Il-kelliema staqsew ukoll jekk jaħsibx li Busuttil għandu jġorr ir-responsabiltà politika.

Qalu li f’każ li jibqa’ sieket, din tkun prova oħra ta’ kif sena wara li nħatar Kap tal-Oppożizzjoni, Adrian Delia għadu ma bediex imexxi l-Partit Nazzjonalista.

Il-Whip Laburista Byron Camilleri tenna wkoll li d-dikjarazzjonijiet ta’ Simon Busuttil juru nuqqas ta’ rispett lejn ir-rule of law, għax qed imur kontra r-riżultati ta’ inkjesta Maġisterjali indipendenti li hu stess iddikjara fiduċja fiha.

Edward Zammit Lewis tenna li jiżbalja Simon Busuttil jekk jaħseb li jista’ jerġa’ jgħaddi lil pajjiżna minn dak li għaddih qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali.

Fakkru wkoll li r-relevanza politika, li llum Busuttil tilef għalkollox, ma terġax tiksibha billi tippersisti fil-gideb.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend