Ħares madwarek f’xatt il-baħar biex issalva frieħ tal-għasafar tal-baħar li jinqabdu fuq l-art – One News

Notifiki

Ħares madwarek f’xatt il-baħar biex issalva frieħ tal-għasafar tal-baħar li jinqabdu fuq l-art

BirdLife Malta qed tappella lill-pubbliku biex iżomm għajnejh miftuħin għal frieħ talgħasafar tal-baħar li jistgħu jispiċċaw maqbudin fuq l-art huma u jħallu l-bejta għallewwel darba.

Dan hekk kif f’dan iż-żmien tas-sena, iż-żgħar taċ-Ċief ikunu qed iħallu l-bejtiet matul il-lejl u jħejju biex itiru minn fuq l-irdumijiet fejn ibejjet dan l-għasfur tal-baħar. Wara numru ta’ ljieli, dawn itiru għall-ewwel darba mill-postijiet remoti flirdumijiet. Madanakollu, dwal qawwija mal-kosta jistgħu jiddiżorjentawhom u jżidu ċċans li minflok fuq il-baħar dawn l-għasafar żgħar jispiċċaw itiru lejn l-art fejn jispiċċaw f’toroq, xtut, portijiet, bliet u rħula jew zoni oħra urbani. Meta jinqabdu fuq l-art dawn il-frieħ isibu diffikultà biex itiru lura lejn il-baħar – fejn iqattgħu l-parti lkbira ta’ ħajjithom – b’periklu saħanistra għall-eżistenza tagħhom.

Kif nagħmlu kull sena tul l-istaġun tal-bejta ta’ dawn l-għasafar misterjużi, qed nappellaw lill-pubbliku biex jirrapporta każi ta’ Ċief maqbud fuq l-art lil BirdLife Malta, sew jekk jinnota frieħ f’diffikultà kif ukoll jekk isib xi ferħ maqbud fuq l-art. Dan japplika l-aktar għall-jiem bejn l-14 u l-24 ta’ Ottubru li huma meqjusin bħala lperjodu meta l-aktar li probabbli jkun hemm frieħ li jinqabdu fuq l-art, għalkemm f’ċerti każi dan jista’ jibqa’ jiġri anke sal-bidu ta’ Novembru.

Għalkemm residenti li joqogħdu qrib lokalitajiet bħal Pembroke, Birżebbuġa, Ħal Far u ċ-Ċirkewwa f’Malta; u x-Xlendi u l-Imġarr f’Għawdex huma l-aktar probabbli li jiltaqgħu ma’ każi bħal dawn speċjalment jekk ikunu qed jimxu tard billejl jew kmieni filgħodu qrib il-kosta, xi ħaġa bħal din tista’ sseħħ f’kull post madwar il-kosta. Fejn ikun possibbli l-għasfur għandu jinġabar u jitpoġġa f’kaxxa tal-kartun. Il-frieħ m’għandhomx jingħataw ikel jew ilma, imma jinżammu f’post għall-kwiet sakemm jinġabru minn staff ta’ BirdLife Malta biex jerġgħu jinħelsu lura fuq il-baħar. In-numri fejn BirdLife Malta tista’ tiġi kkuntattjata huma 2134 7644 (fil-ħinijiet tal-uffiċċju) jew 7925 5697 (f’każ ta’ emerġenza barra l-ħinijiet tal-uffiċċju).

Iċ-Ċiefa hija l-akbar minn żewġ speċi ta’ għasafar tal-baħar magħrufin bħala shearwaters. Hu stmat li f’Malta għandna popolazzjoni ta’ 4,500 par li jfisser bejn wieħed u ieħor 5% tal-popolazzjoni dinjija taċ-Ċief. Dan l-għasfur tal-baħar protett, li jingħaraf mid-dahar griż li jagħti fil-kannella, iż-żaqq bajda u l-munqar isfar, kultant jidher jittajjar fil-baxx fuq il-mewġ (dak li bl-Ingliż huwa magħruf bħala ‘shearing’). Il-proġett LIFE Arċipelagu Garnija ta’ BirdLife Malta qed jaħdem biex inaqqas kemm jista’ jkun l-impatti tat-tniġġis mid-dawl viċin il-kolonji ta’ dawn l-għasafar tal-baħar biex jiżgura l-ħarsien fit-tul tagħhom.

Fl-aħħar snin kienet reġistrata żieda fl-ammont ta’ għasafar tal-baħar li ġew salvati wara li spiċċaw maqbudin fuq l-art, speċjalment fl-ewwel tliet snin tal-proġett. Din hija konsegwenza taż-żieda fid-dwal kaġun tal-iżvilupp, imma wkoll riżultat ta’ żieda fil-kuxjenza fost il-pubbliku bis-saħħa tal-isforzi ta’ BirdLife Malta f’dan ir-rigward.

Huwa biss bl-assistenza tal-pubbliku li jirrapporta każi bħal dawn li BirdLife Malta tkun tista’ ssalva l-frieħ tal-għasafar tal-baħar u teħlishom lura matul il-lejl sabiex ikunu jistgħu jkomplu bil-vjaġġ tagħhom fuq il-baħar mingħajr periklu.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend