BIL-FILMAT: Kabinett man-nies fl-Isptar Mater Dei – One News

Notifiki

BIL-FILMAT: Kabinett man-nies fl-Isptar Mater Dei

Minflok poġġew madwar mejda f’Kastilja għal-laqgħa ta’ kull nhar ta’ Tlieta, l-erbatax-il Ministru u għaxar Segretarji Parlamentari ltaqgħu madwar mejda fl-Isptar Mater Dei.

Dan għal laqgħa tal-Kabinett li b’differenza għal ġranet oħra ma saritx fil-Berġa ta’ Kastilja.

 

Fil-preżenza ta’ 16-il Direttur u Kap Eżekuttiv ta’ numru t’entitajiet fil-qasam tas-saħħa, ġew elenkati l-kisbiet fis-settur fl-aħħar snin, u proġetti ppjanati għall-ġejjieni.

Ewlenin fosthom hemm proġett ta’ robotika fil-kirurġija, fejn mis-sena d-dieħla, robots mistennija jkunu preżenti waqt ċertu interventi biex jgħinu lill-kirurgi.

Dan permezz tal-intelliġenza artifiċjali, li biha r-robots se jkunu kapaċi jitgħallmu mill-kirurgi stess.

Dwar dan il-proġett ambizzjuż tkellimna mal-Kap Eżekuttiv tal-Isptar Mater Dei, Ivan Falzon.

“Bħalissa hawn numru ta’ Maltin li jkollhom bżonn dawn l-interventi u jintbagħtu barra minn Malta u nisperaw li fl-elfejn u dsatax nilħqu l-miri tagħna li ninvestu u nġibu f’Malta dit-teknoloġija li tinvolvi wkoll investiment fir-riżors uman fi training ambizzjuż, żvilupp infrastrutturali u żviluppi oħra.”

Proġett ieħor ta’ robotika huwa dak fejn tidħol l-ispiżerija ewlenija tal-Gvern, li dwaru spjega aktar il-konsulent mediku Mike Farrugia.

“Fil-main pharmacy tal-Isptar se nagħmlu dar-robot li jirċievi l-prescription mingħand it-tabib, ir-robot jippickja l-mediċina li tkun fuq il-prescription, jagħmel l-isem u l-ID ta’ kull pazjent, jibgħat il-mediċini kollha li dak il-pazjent għandu bżonn għal dik il-ġurnata, u jagħmilha f’tube u fi tliet minuti u nofs jaslu fil-ward biex in-nurse tkun tista’ tagħtih lill-pazjent.”

B’dawn il-proġetti u ħafna aktar fl-isfond, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li l-Gvern għandu pjan ċar ħafna għall-futur ta’ dan is-settur – li minn dejjem kien mogħni b’nies ta’ talent.

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne nnota l-isfidi li jeżistu fis-settur fosthom il-ħtieġa li jiżdiedu s-servizzi, li jkunu sostenibbli u innovattivi, u li l-kura tas-saħħa tkun ibbażata iktar fuq il-prevenzjoni.

Hawnhekk ħabbar proġett bl-isem ta’ Remote Patient Monitoring, li permezz tiegħu pazjenti b’mard kroniku se jingħataw apparat li jagħmel eżami regolari tal-pazjent, biex jekk ikun hemm problema tinstab qabel ma ssir kundizzjoni.

Dwar il-kura primarja, il-Ministru Fearne qal li dalwaqt se jiġu ffirmati l-kuntratti biex sal-aħħar tas-sena jibda x-xogħol ta’ bini fuq il-Paola Hub.

Barra minn hekk se toħroġ sejħa t’interess għal ċentru tas-saħħa ġdid fin-naħa ta’ fuq tal-pajjiż – li fost l-oħrajn se jinkludi teatru tal-operazzjonijiet u servizz t’ambulanza.

Dan minbarra x-xogħol ta’ tisbiħ u tranġar f’diversi ċentri tas-saħħa eżistenti – li qed isir b’miljuni ta’ ewro ġejjin mill-Programm ta’ Ċittadinanza b’Investiment.

Dwar il-Public Private Partnership ma’ Steward Healthcare – li se jinvestu bil-kbir fl-Isptar San Luqa, fl-Isptar Karin Grech u fl-Isptar Ġenerali t’Għawdex, il-Ministru tas-Saħħa qal li fil-jiem li ġejjin se jiġi inawgurat iċ-Ċentru tal-Anatomija fil-kampus t’Għawdex.

Tkellem ukoll dwar il-bżonn ta’ iktar sinerġija mat-tobba tal-familja u m’għaqdiet mhux governattivi.

Il-laqgħa f’Mater Dei mmarkat il-bidu ta’ sensiela ta’ laqgħat tal-Kabinett li se jsiru ’l barra mill-Berġa ta’ Kastilja; f’dik li qed titqies bħala opportunità importanti biex dawk kollha kkonċernati f’setturi diversi, ikunu jistgħu jsemmgħu leħinhom.

 

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend