Xi tfisser id-DELTA Summit għal Malta? – One News

Notifiki

Xi tfisser id-DELTA Summit għal Malta?

Il-jiem ta’ bejn it-3 u 5 t’Ottubru se jitfgħu dawl fuq dak li kiseb pajjiżna f’temp ta’ ftit xhur fil-qasam diġitali, partikolarment f’teknoloġiji ġodda magħrufa bħala Distributed Ledger Technologies , bħall-Blockchain.  Dan permezz tad-DELTA Summit, li se jiġbor fih l-aktar nies voċiferi li huma l-uċuħ ta’ Rivoluzzjoni Blockchain, jew kif isejħulha l-esperti, ir-Raba’ Rivoluzzjoni Industrijali b’impatt daqs l-invenzjoni tal-Internet.

Id-DELTA Summit se tesponi lil Malta bħala d-dar għall-innovazzjoni ekonomika, il-post li jilqa’ t-teknoloġja ġdida, u bħala l-għażla naturali għall-investituri li joperaw f’dan il-qasam.

Malta saret l-ewwel ġurisdizzjoni fid-dinja li toffri qafas regolatorju li jirregola dan il-qasam b’mod li ma joħnoqx l-innovazzjoni.  Il-Gvern ra li jagħti ċertezza legali lil dan is-settur, liema ċertezza hija bbażata fuq 3 prinċipji, l-istabilità tas-suq, l-integrità tas-suq u protezzjoni lill-konsumatur. Viżjoni li kienet milqugħa ferm, b’kumpaniji ewlenin f’dan il-qasam ħabru d-deċiżjoni tagħhom li jirrilokaw jew li jkollhom xi tip ta’ preżenza f’Malta.

Fost dawn kien hemm Binance, li l-Kap Eżekuttiv u l-Fundatur tal-istess kumpanija CZ stess stqarr li wara laqgħa li kellu mas-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri, fehem mill-qrib il-viżjoni tal-Gvern Malti, li hija l-istess għal dik ta’ Binance, u għalhekk kienet deċiżjoni naturali li Malta tkun il-post fejn Binance tistabilixxi l-kwartieri ġenerali tagħha. Ma’ Binance ingħaqdu kumpaniji oħra bħal ABCC, Neufund, DQR Group u Neufund.

X’qed toffri Malta li jagħmilha differenti minn pajjiżi oħra? 3 liġijiet :- it-twaqqif tal-Awtorità Maltija tal-Innovazzjoni Diġitali, Liġi dwar is-Servizzi u Arranġamenti ta’ Teknoloġija Innovattiva u Liġi dwar l-Assi Finanzjarji Virtwali.

Għaldaqstant mit-3 sa 5 t’Ottubru, Malta se tkun il-wiċċ li tmexxi d-dibattitu dwar it-teknoloġija Blockchain fuq skala internazzjonali. Se tkun minn ta’ quddiem nett f’settur ekonomiku ġdid u se sservi ta’ mudell għall-pajjiżi li għad iridu jadattaw għal dan il-qasam.

Dawn se jkunu jiem importanti li se juru is-saħħa tal-ekosistema ta’ pajjiżna hekk kif taħt saqaf wieħed l-investituri u intraprendituri se jkollhom aċċess għar-regolaturi; l-Awtorità Maltija tal-Innovazzjoni Diġitali, l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji, l-Awtorità Maltija għal-Logħob , L-Awtorità Maltija għall-Komunikazzjoni.

Għalfejn Delta Summit ?

Madwar 3000 persuna minn madwar id-dinja se jżuru pajjiżna biex jifhmu aħjar ix-xogħol li qed isir. Se jkollhom iċ-ċans li jisimgħu il-viżjoni ta’ pajjiżna, il-viżjoni ta’ dawk li jaħdmu f’dan il-qasam u jkollhom idea ċara ta’ għalfejn għandhom jinvestu f’pajjiżna.

Iżjed minn hekk, se jkun is-Summit li se jiftaħ beraħ il-bibien għall-integrazzjoni ta’ din it-teknoloġija li se tbiddel il-ħajja ta’ kuljum minn sempliċiment għal kif isir kuntratt magħrufa bħala Smart Contracts għad-dinja finanzjarja u dan għax aktar ma jgħaddi żmien iktar qed issir l-integrazzjoni bejn t-teknoloġija u l-qasam finanzjarju.

DELTA Summit f’pajjiżna huwa l-punt li se jagħti definizzjoni iżjed tanġibbli ta’ xi jfisser meta l-Gvern Malti irid jagħmel lil Malta il-Gżira tal-Blockchain. Terminu li jirrifletti l-ħsieb progressiv ta’ dan il-Gvern, li jantiċipa l-futur u li jilqa’ għaliha b’mod li jkun qabel kulħadd. Dan kollu se jwassalna għal punt li pajjiżi li konna nħarsu lejhom b’ammirazzjoni, issa se jkunu huma li jħarsu lejna, li jimitawna u li jippruvaw ilaħqu ma’ pajjiż li fiċ-ċokon tiegħu ra li joħloq opportunitajiet kbar.

Ta’ QabelLi Jmiss
Dinah Seguna hija l-Koordinatur tar-Relazzjonijiet Pubblici fi ħdan is-Segretarjat Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni u hija minn Ħal Luqa. Gradwata fl-Ispanjol u Relazzjonijiet Internazzjonali, u għal 4 xhur segwiet l-istudji tagħha fl-Università ta' Oviedo Spanja bħala parti mill-programm Erasmus. Serviet għal xi snin bħala ġurnalista fil-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ ONE, u issa qed issegwi Masters fid-Diplomazija u Relazzjonijiet Internazzjonali.

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend