Silvio Parnis jattendi għal Mahatma Gandhi International Sanitation Convention – One News

Notifiki

Silvio Parnis jattendi għal Mahatma Gandhi International Sanitation Convention

Is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet għamel intervent waqt il-Mahatma Gandhi International Sanitation Convention fi New Delhi, l-Indja. L-għan ta’ din il-konvenzjoni kien li jiltaqgħu flimkien Ministri u Segretarji Parlamentari minn madwar id-dinja, li huma responsabbli għall-indafa u s-sanità f’pajjiżhom, sabiex jaqsmu l-isfidi u s-suċċessi tagħhom f’dan il-qasam. Din il-konvenzjoni kienet tinkludi sessjonijiet plenarji, diskussjonijiet u żjara f’Ahmedabad, Gujarat.

Fost membri distinti oħra f’din il-konvenzjoni attendew il-Prim Ministru tal-Indja Narendra Modi, il-President tal-Indja Ram Nath Kovind, il-Viċi-President tal-Indja Venkaiah Naidu kif ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda António  Guterres.

Waqt din il-konvenzjoni s-Segretarju Parlamentari tkellem dwar l-istorja tas-sanità f’pajjiżna, il-progress li sar u x’hemm għall-futur. Silvio Parnis tenna li s-sanità fil-gżejjer Maltin ilha ta’ prijorità għal żmien twil. Fil-fatt sa mill-miġja tal-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann, diġà kien inħass il-bżonn ta’ korp regolatorju sabiex isir infurzar fuq regoli sanitarji. Is-Segretarju Parlamentari faħħar ukoll is-sistema tad-drenaġġ f’pajjiżna u semma wkoll il-proġett ta’ €700 miljun li bis-saħħa tiegħu se jiġu rranġati t-toroq kollha ta’ Malta u Għawdex u dan se jkompli jgħin biex titnaqqas il-konġestjoni tat-traffiku f’pajjiżna u b’hekk titjib il-kwalità tal-arja tagħna.

Fir-rigward tad-disponibilità ta’ ilma potabili f’pajjiżna, is-Segretarju Parlamentari tenna li nofs il-provvista tiegħu ġejja minn impjanti ta’ desalinizzazzjoni tal-ilma baħar, u aktar kemm qed jgħaddi żmien, aktar it-tibdil fil-klima qiegħed jaffettwa d-disponibilità ta’ riżorsi ta’ ilma ħelu. B’rabta mal-ilma u s-sanità, Silvio Parnis semma wkoll il-laqgħa li saret f’Ġunju li għadda, fejn il-Ministri u d-delegati tat-tmien Stati Membri tar-Reġjun Ewropew tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa b’popolazzjoni ta’ inqas minn miljun abitant, iltaqgħu fl-Iżlanda, biex jipparteċipaw fil-ħames laqgħa ta’ livell għoli tal-inizjattiva tal-pajjiżi ż-żgħar. L-għan ta’ din il-laqgħa kien biex jiġi assigurat li jkun hemm provvista ta’ ilma tajjeb għax-xorb u reżiljenti għat-tibdil fil-klima.

Silvio Parnis stqarr ukoll li bħala s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet għandu rwol ambjentali u sanitarju importanti ħafna, fil-fatt dan ix-xahar flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, se jagħmel is-separazzjoni tal-iskart obbligatorju. Dan se jkun jinkludi wkoll is-separazzjoni tal-iskart organiku. Parnis kompla jgħid li sabiex jintlaħaq dan l-għan, l-edukazzjoni u l-infurzar huma ta’ importanza kbira u huwa għalhekk li l-infurzar lokali tagħna m’għadux limitat għall-kontravenzjonijiet tat-traffiku u qed jimraħ f’oqsma importanti oħra bħall-ambjent. Is-Segretarju Parlamentari tenna wkoll li f’pajjiżna l-kunsilli lokali jiġbru l-iskart riċiklat bla ħlas u joffru wkoll servizz ta’ ġbir ta’ skart goff mid-djar tagħna bla ħlas ukoll.

Silvio Parnis għalaq id-diskors tiegħu billi feraħ lill-Indja għall-progress kbir li qed tagħmel fir-rigward ta’ saħħa u sanità, minn kemm ilha li nediet is-Swachh Bharat Mission fit-2 ta’ Ottubru 2014.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend