Mid-dinja diġitali għal dik tal-Blockchain – One News

Notifiki

Mid-dinja diġitali għal dik tal-Blockchain

Proprju matul din il-ġimgħa stess, f ’pajjiżna kien hawn il-festival THU (Trojan Horse was a Unicorn) li għamel minn pajjiżna l-bażi tiegħu wara snin fil-Portugall. F’dan il-festival tad-dinja kreattiva li għalih attendew xejn inqas minn 1,200 ruħ minn diversi pajjiżi dinjija, u li ltaqa’ fil-Belt Valletta, esibixxew ix-xogħol tagħhom uħud mill-aqwa kumpaniji fid-dinja. Fost dawn il-kumpaniji li żgur m’għandhom bżonn l-ebda introduzzjoni hemm Pixar, Walt Disney, Netflix, Lenovo, Occulus, Unreal Machine u Nauthy dog.

Dawn huma kumpaniji kbar fid-dinja li joperaw fiha. Waqt dan il-festival saru mhux biss diskussjonijiet u diskorsi minn personalitajiet bħal Scott Ross li kien direttur ta’ films li rebħu oscars bħal Titanic, Jeff Kamber minn Google, fost oħrajn, iżda anke kien hemm diversi opportunitajiet sabiex il-kumpaniji msemmija aktar ’il fuq setgħu ddaħħlu aktar nies magħhom. Dawn huma opportunitajiet li ġejjin minn fost l-akbar fix-xena. F’kummenti li għadda lil mezzi tax-xandir, Andre Luis, il-fundatur ta’ THU, qal li “Malta għandha l-abiltajiet kollha sabiex tkun ċentru diġitali innovattiv fl-Ewropa”. Luis tenna li huma ħafna r-raġunijiet għaliex Malta tista’ tikseb dan it-titlu dwar l-innovazzjoni fosthom il-pożizzjoni ġeografika li Malta tinsab fiha, fin-nofs tal-Mediterran u bejn żewġ kontinenti u anke l-viżjoni ċara u b’saħħitha talGvern Malti għal dan is-settur. Andre Luis jgħid li kienet il-ħidma tal-Gvern f ’dan is-settur li għenet sabiex ittieħdet id-deċiżjoni li THU jiġi f ’pajjiżna.

Dan il-festival se jkun qed jiltaqa’ f ’pajjiżna minn tal-inqas għal sentejn oħra. Kienu bosta l-kummenti li dehru fuq il-mezzi soċjali mill-parteċipanti ta’ dan il-festival dwar pajjiżna u s-sbuħija tiegħu, kummenti bħal: “maġiku”, “sabiħa” u “pajjiż wieħed qisu mużew”. Il-konferenza ta’ tlett ijiem DELTA Summit li se tiltaqa’ l-ġimgħa d-dieħla bejn it-3 u l-5 ta’ Ottubru 2018, se tkun qed issir fl-unika pajjiż fid-dinja li lleġiżla favur ir-regolarizzazzjoni tas-settur DLT fosthom il-blockchain: pajjiżna. Il-Gvern Malti ilu jaħdem għal dan l-aħħar 18-il xahar sabiex idaħħal tliet liġijiet li rregolaw dan is-settur u permezz ta’ din il-konferenza l-ewwel waħda tax-xorti tagħha fuq skala internazzjonali fejn se jkunu qed jinġabru taħt l-istess saqaf mhux biss għadd kbir ta’ investituri u kumpaniji iżda anke l-bordijiet regolatorji ta’ pajjiżna fosthom l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji u l-Awtorità l-ġdida li proprju se tiġi mnedija waqt il-konferenza, l-Awtorità Maltija għall-Innovazzjonai Diġitali.

Waqt din il-konferenza se jkunu qed jieħdu sehem fost l-ikbar kumpaniji fil-qasam tal-blockchain u l-cryptocurrency foshom Okex, Binance, Evercoin, Neufund u se jkunu qed jagħmlu diskorsi mhux biss il-Prim Ministru Joseph Muscat u s-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri, iżda anke ismijiet bħall-investitur Amerikan Tim Draper, il-Kap Eżekuttiv ta’ Binance CZ u l-Fundatur ta’ Wikipedia Larry Sanger. F’kumment lill-gazzetta KullĦadd il-Kap Eżekuttiv ta’ Delta, Dr Abdalla Kablan stqarr li huwa jemmen li s-settur tal-Blockchain se jkompli jikber u jikber sew f ’pajjiżna. Uħud mill-aqwa mħuħ fid-dinja f ’dan is-settur qegħdin jirrilokaw f ’Malta tenna Kablan. Min-naħa tiegħu s-Segretarju Parlamentari responsabbli misServizzi Finanzarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri stqarr li huwa kburi li pajjiżna huwa ċ-ċentru mhux biss Ewropew iżda qed isir ċentru dinji tal-innovazzjoni. Schembri saħaq li attivitajiet bħall-Festival tat-THU jservu mhux biss biex Malta tkun fuq il-mappa ta’ attivitajiet bħal dawn, iżda anke jservu bħala fonti ta’ opportunitajiet għażżgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Dwar id-Delta Summit, Silvio Schembri saħaq li “l-attendenza u l-parteċipazzjoni ta’ wħud mill-akbar ismijiet fid-dinja tal-blockchain u l-cryptocurrencies hija mera tal-isforzi u r-riżultati kbar li qed jikseb f ’pajjiżna f ’dan il-qasam”. Pajjiżna qed ikun tabilħaqq pijunier fl-innovazzjoni u dan kollu qed iwassal sabiex ikun hemm aktar tkabbir ekonomiku u aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend