Waqt id-DELTA Summit, l-Awtorità Maltija għal-Logħob se tkun qed tniedi sandbox għal Distributed Ledger Technology (DLT).
Dan tħabbar mis-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri meta kien qed jindirizza it-tielet edizzjoni ta’ iGaming idol—avveniment li daħal sew fil-kalendarju tal-avvenimenti b’rabta ma’ iGaming li jippremjaw lill-ħaddiema fi sferi differenti fi ħdan l-iGaming.
Silvio Schembri qal li t-tnedija ta’ sandbox mill-Awtorità Maltija għal-Logħob qed isseħħ wara l-pubblikazzjoni ta’ dokument ta’ konsultazzjoni f’Marzu li ta bidu għal diskussjonijiet fost partijiet interessati dwar l-introduzzjoni ta’ DLT u muniti virtwali. “L-Awtorità qed tilqa’ din it-teknoloġija ġdida u mhix toqgħod lura milli tifhem mill-qrib it-teknoloġija DLT bl-għan li timbotta l-innovazzjoni ekonomika, u dan taħt ambjent regolat”, qal Silvio Schembri.
Sandbox huwa spazju fejn din it-teknoloġija tista’ topera b’mod sigur f’ambjent ristrett.
Waqt iċ-ċerimonja, Silvio Schembri ppreżenta l-premju tal-Hall of Fameli ngħata għall-ewwel darba, u li din is-sena ngħata lil George DeBrincat li kien premjat għal ħidma proattiva sa mill-bidu nett tal-industrija.
Dan fisser li t-tielet edizzjoni ta’ iGaming Idol premjat 22 individwu għall-kontribuzzjoni fenomenali lill-industrija tal-iGaming fil-pajjiż li joffri eċċellenza f’dan il-qasam.