ARA: Attivitajiet sportivi għal kulħadd waqt il-ġimgħa Ewropea ddedikata lill-isport – One News

Notifiki

ARA: Attivitajiet sportivi għal kulħadd waqt il-ġimgħa Ewropea ddedikata lill-isport

Waqt konferenza stampa li saret dalgħodu fuq il-pitch tal-waterpolo ta’ Birżebbuġa, is-Segretarju Parlamentari għaż-Żagħżagħ, Sport u Għaqdiet tal-Voluntarjat l-Onor. Clifton Grima flimkien mal-Kap Eżekuttiv ta’ SportMalta Mark Cutajar fetaħ uffiċjalment il-Ġimgħa Ewropeja ddedikata lill-Isport. Ġimgħa mpenjattiva ferm li kif spjega Mark Cutajar qed tiffoka fuq tliet temi.

It-tema tal-Kommunita li qed tiġi riflessa tajjeb bl-attivita organiżżata dalgħodu f’Birżebbuġa bil-kollaborazzjoni tat-tliet klabbs tal-lokal tal-waterpolo, ibburdjar u regatta fejn fiha kulħadd kien qed jiġi mħeġġeġ jipparteċipa.

It-tema tal-post tax-xogħol fejn nhar it-Tlieta f’nofsinhar il-ħaddiema ta’ SportMalta fil-Kumpless tal-Kottonera flimkien ma’ ħaddiema oħra tal-madwar ser ikunu qed jagħmlu nofs siegħa attivita fiżika sabiex indaħħlu l-kultura li waqt il-ħin tal-mistrieħ fuq il-post tax-xogħol wieħed jista wkoll ikun attiv fiżikament.

It-tema ta’ l-Edukazzjoni b’attivita kbira il-Ġimgħa filgħodu fl-iskejjel fejn mistennija wkoll il-parteċipazzjoni tas-Segretarju Parlamentari l-Onor. Clifton Grima flimkien ma personalitajiet oħra.

Minn naħa tiegħu l-Onorevoli Clifton Grima qal li huwa ta’ mportanza kbira li kulħadd jipprattika xi forma ta’ attivita fiżika fejn għandna nkunu ta’ eżempju għal ħaddieħor. Huwa semma u faħħar lit-tfajjel Jake Vella li minkejja l-kundizzjoni rari li għandu jipprattika sport impenjattiv u huwa xiehda ta’ kemm l-isport huwa bżonnjuż fil-ħajja ta’ kuljum tagħna. B’hekk ħeġġeġ lil kulħadd sabiex matul din il-ġimgħa jieħu sehem fid-diversi attivitajiet hekk kif kien se jagħmel hu fejn laqgħa l-isfida tal-ħaddiema ta’ SportMalta u tnejn mill-ambaxxaturi ta’ l-attivita li kienu preżenti Ryan Fenech u Karl Izzo sabiex nhar il-Ġimgħa jikkompeti magħhom f’dixxiplina li jagħżlu huma.

Mark Cutajar ħa l-opportunita sabiex jirringrazzja lil dawk kollha li taw sehemhom sabiex din il-Ġimgħa Ewropeja iddedikata lill-Isport setat tiġi organiżżata fejn stieden ukoll lil kulħadd għall-ewwel edizzjoni tal-BEACTIVE Night li ser issir nhar is-Sibt filgħaxija fil-Kumpless Sportiv ta’ Ħal Kirkop. Matul l-attivitajiet kollha ser jitqassmu bosta tifkiriet bil-logo tal-BEACTIVE.

Dettalji dwar l-attivitajiet kollha jinsabu fuq is-sit elettroniku ta’ SportMalta u #BEACTIVE.

Il-Ġimgħa Ewropeja ddedikata lill-Isport hija organiżżata minn SportMalta bil-kollaborazzjoni ta’ l-Għaqda Ġurnalisti Sport.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend