Notifiki

L-għażla ta’ Hyzler bħala l-ewwel Kummissarju tal-istandards pubbliċi

Fl-intervista fuq ONE radio, il-Prim Ministru tkellem ukoll dwar l-aħħar laqgħa tal-Grupp Parlamentari. Fisser kif hemm team spirit tajjeb ħafna u kien diskuss l-pjan ta’ ħidma li jwassal għall-baġit li ġej u anke deċiżjonijiet li hemm bżonn jittieħdu fosthom liġi dwar il-kummissarju tal-istandards.

Hawn Joseph Muscat spjega l-implikazzjoni ta’ din id-deċiżjoni. “Żidna l-focus fuqna stess bħala politiċi, li jkollna aktar kejl li miegħu rridu nitkejlu. Il-liġi dwar l-istandards fil-ħajja pubblika tipprovdi li jkun hemm kummissarju, persuna li tkun tista’ tiġbed l-attenzjoni tal-politiċi, rwol speċifiku, persuna li trid tinħatar b’żewġ terzi fil-Parlament.”

Ġie deċiż li l-persuna li tkun “l-ewwel kummissarju tal-istandards tkun persuna mill-kamp Nazzjonalista għax m’għandniex minn xiex nibżgħu. L-idea hi li tibgħat sinjal b’saħħtu li l-Parlament huwa lil hinn minn kwistjoni ta’ gvern. Kellna proposta mill-Kap tal-Oppożizzjoni, ippropona lil George Hyzler, li huwa l-President tal-kamra tal-avukati, serva f’kabinetti Nazzjonalisti bħala Segretarju Parlamentari u l-Grupp Parlamentaru Laburista ddeċieda, fuq rakomandazzjoni tiegħi, illi naċċettaw din in-nomina,” kompla Muscat.

“Dan il-Gvern, bil-bidliet kollha li qegħdin nagħmlu, għandu dover storiku. L-istorja trid tinkiteb fuq dan il-Gvern u l-Gvern ta’ qablu. Jien kburi li qed immexxi Gvern b’saħħtu, Gvern sod fl-istorja politika Maltija,” temm il-Prim Ministru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *