Titnieda t-tieni Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza tal-Persuni LGBTIQ – One News

Notifiki

Titnieda t-tieni Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza tal-Persuni LGBTIQ

Illum tnediet it-tieni Strateġija u Pjan ta’ Azzjoni għall-Ugwaljanza tal-Persuni LGBTIQ, abbozz konkret li jibni fuq l-ewwel verżjoni u li jwassal sal-2022.

F’konferenza tal-aħbarjiet, il-Ministru għall-Affarjiet Ewropej u l-Ugwaljanza Helena Dalli fakkret kif l-ewwel strateġija u pjan ta’ azzjoni, varati fl-2015, kienu msejsa fuq l-aspett leġiżlattiv. Illum, li minn dan l-aspett pajjiżna jinsab fil-quċċata Ewropea, il-Ministru sostniet li l-istrateġija l-ġdida hi ffukata fuq l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni fil-prattika u kif din tista’ tħalli impatt pożittiv fl-isferi kollha tas-soċjetà.

Helena Dalli żiedet tgħid li dan l-abbozz igawdi l-appoġġ tal-gvern kollu, u għaldaqstant se jkun assigurat li l-ugwaljanza tal-persuni LGBTIQ ma teżistix f’iżolament, iżda tkun xprunata mill-ministeri kollha u d-dipartimenti rispettivi tagħhom.

Preżenti għal din il-konferenza kien hemm ukoll id-Direttur tad-Direttorat għad-Drittijiet tal-Bniedem u l-Integrazzjoni Silvan Agius, li fisser kif l-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni tfasslu bis-sehem attiv tal-komunità LGBTIQ u l-għaqdiet tas-soċjetà ċivili, li lkoll ikkummentaw dwar dak li sar tajjeb, u dak li seta’ sar aħjar fil-verżjoni preċedenti tal-2015. B’dik l-esperjenza kollettiva, id-Direttorat fassal pjan sħiħ għall-erba’ snin li ġejjin bl-għan ewlieni li jindirizza l-aspett kulturali. Kien proprju għalhekk, fi kliem Agius, li b’differenza minn qabel m’għandniex biss dokument, iżda permezz ta’ Gabriella Calleja, għandna persuna b’esperjenza kbira fis-settur li ġiet fdata bir-responsabbiltà li timplimenta din l-istrateġija.

Gabriella Calleja spjegat li l-abbozz imniedi huwa mifrux fuq diversi oqsma bl-għan li jilħaq spettru wiesgħa ta’ persuni, ġejjin minn fejn ġejjin. Dan f’eżerċizzju ta’ integrazzjoni tal-ugwaljanza fl-isferi soċjali u ekonomiċi kollha, b’mod partikolari fis-settur tal-edukazzjoni, l-isport, u s-servizzi tas-saħħa. Lil hinn mill-kuntest lokali, Gabriella Calleja fissret kif l-istraġeija u l-pjan ta’ azzjoni għandhom iservu ukoll ta’ spirazzjoni għal ġurisdizzjonijiet oħra. Dan b’mod speċjali fid-dawl tal-Memorandum ta’ Qbil li ġie ffirmat mal-Programm ta’ Żvilupp tan-Nazzjonijiet Uniti biex Malta sservi ta’ eżempju għall-pajjiżi tal-Asja u l-Paċifiku.

Din l-Istrateġija u l-Pjan t’Azzjoni għall-Ugwaljanza tal-Persuni LGBTIQ qed titnieda fil-kuntest ta’ Pride Week 2018, li se jilħaq il-qofol tiegħu għada waranofsinhar permezz tal-Pride March fil-Belt Valletta.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend