Pjan ta’ azzjoni għal Malta iktar inklussiva – One News

Notifiki

Pjan ta’ azzjoni għal Malta iktar inklussiva

Wara li tul l-aħħar ħames snin, pajjiżna poġġa lilu nnifsu fuq nett tal-klassifika tal-pajjiżi inklussivi u ugwali f’drittijiet għal persuni LGBTIQ, il-pass li jmiss hu li sas-sena 2022, pajjiżna jimplimentà 54 miżura ġdida għal soċjeta iżjed inklussiva fosthom fil-qasam tal-isport u l-edukazzjoni.

Dawn il-miżuri se jaraw l-implimentazzjoni t’ azzjonijiet li anke jekk xi wħud huma żgħar ħafna, se jħallu mpatt fuq il-ħajja ta’ persuni LGBTIQ.Fost dawn il-miżuri hemm dawk relatati mas-saħħa fosthom li rġiel gay se jkunu jistgħu jagħtu d-demm, kif ukoll li se jkun imwaqqaf Gender Wellbeing Clinic – post dedikat għall-ħarsien tal-benesseri ta’ persuni trans u intersex.

Se jiġu mplimentati wkoll miżuri fil-qasam edukattiv li se jinfirxu wkoll f’sistemi edukattivi għall-uffiċjali tal-Korp tal-Pulizija biex ikunu jafu kif għandom jirreaġixxu għal rapporti ta’ “hate speech” kontra persuni LGBTIQ.

Flimkien ma’ dawn, se jiġu mplimentati wkoll miżuri fil-qasam sportiv fejn ġie żvelat kif diġa għaddejin diskussjonijiet mal-MFA biex tiprovdi faċilitajiet għal persuni transesswali.

Dan kollu tħabbar waqt konferenza stampa fil-Ministeru għall-Ugwaljanza fejn ONE News tkellem ma’ Gaby Calleja, mara li tul is-snin ħadmet qatiegħ biex ġġib id-drittijiet tal-persuni LGBTIQ ‘il quddiem.

“L-istrateġija tħares lejn l-isferi kollha tal-ħajja. Hemm miżuri li jolqtu lil dawk kollha li huma LGBTIQ, dawk li qed jaħsbu biex ikollhom familja, dawk li għandom xi kundizzjonijet tas-saħħa, anzjani, u anke studenti li għadhom qed jistudjaw. Ippruvajna naħsbu fil-firxa li teżisti fil-kommunità LGBTIQ.”

Il-Ministru għall-Ugwaljanza, Helena Dalli stqarret li wara li pajjiżna ħadem bla heda biex implimenta leġislazzjoni li tħares id-drittijiet ta’ persuni LGBTIQ, il-pass li jmiss hu li pajjiżna jifrex din l-ugwaljanza fuq għadd ta’ setturi li jolqtu lil dawn il-persuni fil-ħajja ta’ kuljum.

“Irridu naraw li din il-leġiżlazzjoni tagħmel differenza fil-ħajja tan-nies. Irridu naraw li permezz tal-liġijiet, persuna tista’ tilħaq il-potenzjal kollhu tagħha mingħajr diskriminazzjoni.”

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend