Il-koppja David u Louise Turpin, li f’Jannar li għadda l-każ tagħhom ixxukkja d-dinja wara li nxterdet l-aħbar li ttorturaw u qaflu għal snin twal lit-tlettax-il tifel u tifla tagħhom, tressqu l-Qorti, fejn wieġbu mhux ħatja tal-akkużi miġjuba kontrihom.
Fil-Qorti f’Kalifornja fl-Istati Uniti, intqal kif il-Pulizija għamlu tfittxijiet fil-proprjetà tal-akkużati, wara li waħda mill-ulied, tfajla ta’ sbatax-il sena, irnexxielha taħrab u ċċempel lill-Pulizija.Aktar tard il-Pulizija sabet tnax-il tifel u tifla oħra, li l-etajiet tagħhom ivarjaw bejn is-sentejn u d-disgħa u għoxrin sena.
Skont rapporti ta’ midja internazzjonali, huma kienu jinżammu f’dar mudlama u maħmuġa, kienu jieklu biss darba kuljum, u jinħaslu darba fis-sena. Instabu wkoll għadd ta’ ħbula u ktajjen mas-sodod.
Intqal ukoll kif it-tfal kienu jiġu minkija b’ikel, li imbagħad ma kien imisshom xejn minnu.
Fil-fatt, il-bint ta’ disgħa u għoxrin sena, kienet tiżen biss sebgħa u tletin kilo.
Fil-Qorti, l-avukati tad-difiża ma ressqu l-ebda spjegazzjoni tal-allegazzjonijiet miġjuba kontra l-ġenituri, bil-każ mistenni jkompli jinstema f’Ottubru li ġej.