Ħidma bil-lejl biex jitlesta l-proġett tar-roundabouts f’Ħaż Żebbuġ – One News

Notifiki

Ħidma bil-lejl biex jitlesta l-proġett tar-roundabouts f’Ħaż Żebbuġ

Illejla, Infrastructure Malta se tibda tagħti l-aħħar kisjiet ta’ asfalt fiż-żewġ roundabouts ewlenin ta’ Ħaż Żebbuġ, sabiex ittemm proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ dawn iż-żewġ ħoloq ewlenin. Dan mistenni jitlesta sa kmieni l-Ġimgħa d-dieħla. Permezz ta’ din il-ħidma li bdiet aktar kmieni dan is-sajf, ir-roundabout tal-Bieb ta’ De Rohan u r-roundabout ta’ ħdejn l-iskola tad-Dorotei nbnew b’disinn ġdid għal aktar effiċjenza u sigurtà għal dawk li jużawhom ta’ kuljum. Ir-roundabout ta’ ħdejn il-Bieb ta’ De Rohan ġiet imtejba b’għadd ta’ korsiji diretti minn direzzjoni għal oħra, sabiex jonqos il-ħin tal-ivvjaġġar. Fl-istess ħin, dan it-titjib ser jgħin ukoll lir-residenti ta’ Ħaż Żebbuġ biex jidħlu jew joħorġu mit-triq ewlenija ta’ din il-lokalità, Vjal il-Ħelsien, li tinfed fl-istess roundabout. It-tieni ħolqa inkluża f’dan il-proġett, dik ta’ ħdejn l-iskola tad-Dorotei, li tgħaqqad ir-Rabat, Ħ’Attard u Ħaż Żebbuġ, inbniet mill-ġdid b’disinn aktar mexxej u b’aktar korsiji li jaslu għaliha.

 It-tneħħija tal-wiċċ eżistenti tal-korsiji madwar ir-roundabout u l-kisi mill-ġdid b’għadd ta’ saffi ta’ asfalt ġdid ser isir bil-lejl, bejn is-sebgħa ta’ filgħaxija (19:00) u s-sitta tal-għada filgħodu (06:00), sabiex jitnaqqsu l-inkonvenenti lil dawk li jivvjaġġaw minn dawn it-toroq u lir-residenti, ħaddiema u negozji tal-inħawi.

Kull filgħaxija, mill-lejla sa kmieni l-ġimgħa d-dieħla, partijiet differenti ta’ dawn iż-żewġ roundabouts u l-korsiji li jagħtu għalihom ser jingħalqu b’mod temporanju sabiex isirilhom il-wiċċ b’asfalt ġdid. Uffiċjali tal-immaniġġjar tat-traffiku ser ikunu fl-inħawi sabiex jiggwidaw lill-pubbliku lejn rotot alternattivi.

 Il-korsiji kollha ser ikunu miftuħin fiż-żewġ direzzjonijiet matul il-jum, kuljum, mis-sitta’ ta’ filgħodu (06:00). Dawk li jivvjaġġaw minn dawn l-inħawi għandhom isegwu d-direzzjonijiet temporanji, fosthom limiti ta’ veloċità mnaqqsa, li qed jiġu murija b’tabelli mal-ġnub tat-triq.

Bħala parti minn dan il-proġett, Triq l-Imdina (Ħaż-Żebbuġ), it-triq arterjali bejn iż-żewġ roundabouts, ser titwessa b’korsija ġdida fid-direzzjoni lejn in-nofsinhar, minn Ħ’Attard għal Ħaż Żebbuġ. Fl-istess waqt, waħda mill-korsiji ta’ din it-triq kif ukoll it-triq sekondarja biswitha ser jiġu mibdula f’korsiji immarkati b’sinjali apposta fuq wiċċ it-triq (magħrufin bħala sharrows) u tabelli, sabiex tingħata priorità lil dawk li jkunu għaddejjin bir-rota.

 Dan l-investiment infrastrutturali ser ikompli jtejjeb l-effiċjenza u s-sigurtà tar-rotta ta’ toroq arterjali mill-Mosta, Ħ’Attard u r-Rabat lejn Ħaż-Żebbuġ, Ħal Qormi, Santa Venera, il-Belt Valletta u l-Marsa. Is-sajf li għadda, permezz ta’ proġett simili fl-istess rotta, iż-żewġ roundabouts ewlenin ta’ Ħal Qormi nbnew mill-ġdid b’disinn aħjar, filwaqt li Triq Manwel Dimech, li tgħaqqadhom flimkien, twessgħet għal erba’ korsiji. Permezz ta’ dan il-proġett, il-ħin tal-ivvjaġġar f’din il-parti tar-rotta tnaqqas b’madwar 30%. 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend