LA Vittoria Youth Band XOW jirritorna b’edizzjoni SWING – One News

Notifiki

LA Vittoria Youth Band XOW jirritorna b’edizzjoni SWING

LA Vittoria Youth Band XOW jirritorna b’edizzjoni SWING.  Din is-sena dan il-kunċert ser ikun qiegħed jiġi ppreżentat nhar it-Tnejn 3 ta’ Settembru 2018. Wara li fl-edizzjoni ta’ sena ilu rajna qabża kbira fejn jidħol livell mużikali ta’ banda tradizzjonali Maltija, id-diriġenti ta’ dan il-kunċert ħasbu biex għal darb’oħra dan il-livell mużikali jerġa jieħu spinta ‘l fuq għal edizzjoni numru 14 mis-serje ta’ dawn il-kunċerti.

Kif ġara kull sena, l-innovitajiet ma jonqsux.  Is-sena l-oħra rajna spettaklu bi dwalijiet u effetti speċjali li kienu differenti minn ta’ snin preċedenti, kif ukoll rajna tibdil fid-dehra artisitka. Din is-sena żgur li mhux ser tkun eċċezzjoni, b’dehra u spettaklu viżwali differenti milli rajna fl-aħħar edizzjoni.

Fejn is-soltu il-maġġoranza tal-mużika li tindaqq tiġi esebita f’Malta għal l-ewwel darba f’dan il-kunċert, din is-sena, il-mużika kollha ser tkun qeda tindaqq għal l-ewwel darba f’Malta b’arranġamenti mużkali ta’ l-għola kwalità.  Apparti li l-maġġoranza tal-mużika ser tkun fuq stil swing, ser tindaqq mużika mill-pinna ta’ Amilcare Ponchielli, Earth Wind & Fire, Avicii, Queen, Robbie Williams u ħafna aktar.  F’għeluq il-150 sena mil-mewt tal-kompożitur Gioachino Rossini, se naraw kif kienet tinstema’ il-mużika tiegħu li kieku inkitbet fuq stil swing.  Mall-Banda se jingħaqdu fost l-oħrajn, grupp ta’ żeffiena professjonali ‘Danza C’ taħt it-tmexxija ta’ Christina Cauchi. Wara s-suċċess miksub is-sena li għaddiet bis-sehem tad-Drum Circle, dan il-grupp din is-sena se jingħata spazju akbar minn dak li kellu s-sena li għaddiet.  Ma jonqsux il-kantanti Daniel Cauchi u Julia Grima, l-Kor tat-tfal ‘Vuċijiet Vittorjani’ u l-kantanti żgħażagħ Mireille Borg, Thea Gauci u Cassandra Scerri.  Jieħu sehem ukoll Ronald Briffa.  Dan kollu flimkien mal-mużiċisti, b’taħlita bejn professjonali, stabbiliti u mużiċisti ġodda għandu joffri serata oħra mil-aqwa fejn il-burdati mhux tas-soltu ma jonqsux.

Dan u aktar nhar it-Tnejn 3 ta’ Settembru 2018, fil-Pjazza tal-Parroċċa tal-Mellieħa mit-8p.m. ‘il quddiem. Id-direzzjoni u produzzjoni tkun ta’ Mro. Ryan Mallia.  Dħul huwa bla ħlas!

Il-Banda La Vittoria, l-għada t-Tlieta 4 ta’ Settembru, tippreżenta l-Kunċert Annwali tal-Festa fejn is-Surmast Direttur attwali Mro. Joseph Vella ser ikun qiegħed iġib fit-tmiemhom 25 sena ta’ ħidma mal-Banda La Vittoria.  Fl-istess kunċert ser ikun qiegħed jgħaddi t-tmexxija tal-Banda lil Mro. Ryan Mallia.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend