Pont għall-mixi u r-roti fi Triq l-Avjazzjoni

Infrastructure Malta ser tibni pont ta’ 34 metru fi Vjal l-Avjazzjoni sabiex ikun aktar faċli li tivvjaġġa bil-mixi, bit-trasport pubbliku jew bir-rota minn u lejn għadd ta’ lokalitajiet madwar il-Gudja.

It-Tieta filgħodu, l-aġenzija ppreżentat id-disinji preliminari ta’ dan il-proġett lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex tikseb il-permessi meħtieġa għall-bini tal-istruttura aktar tard din is-sena. Dalwaqt ser toħroġ sejħa għall-offerti għad-disinn finali u l-bini ta’ dan il-pont.

L-istruttura proposta hija maħsuba biex taqdi l-ħtiġijiet ta’ dawk li jivvjaġġaw f’dawn l-inħawi bir-roti, bil-mixi jew bit-trasport pubbliku. Il-proġett ser jinkludi żewġ strutturi għoljin seba’ metri fil-ġnub tat-triq, li fihom jinkludu rampi fit-tond (helical ramp) li jibqgħu jduru ‘l fuq sakemm jaslu għall-pjattaforma tal-pont innifsu. Il-pont ser jaqsam iż-żewġ karreġġjati ta’ Vjal l-Avjazzjoni, triq sekondarja li tinsab maġenbha kif ukoll spazju addizzjonali li ser jitħalla f’każ li t-triq ikollha bżonn aktar infrastruttura fil-futur. Ir-rampi forma ta’ spirali ta’ dan il-pont ġew iddisinjati wkoll skont il-linji gwida stabbiliti mill-Kummissjoni għad-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità, biex jiġi żgurat li din l-infrastruttura ġdida tkun aċċessibbli għal kulħadd.

Is-sejħa għall-offerti għal dan il-proġett, li ser toħroġ fil-ġimgħat li ġejjin, ser titlob li l-istrutturi finali li jiġu proposti għandhom jinkludu elementi ta’ disinn innovattiv kif ukoll użu ta’ materjali li ma jħallux impatt ħażin fuq l-ambjent, bħal pereżempju l-użu ta’ materjali ta’ plastik riċiklat minflok injam għall-pjattaforma tal-pont.

Dan il-pont ser jgħaqqad ukoll flimkien id-daħliet tal-waqfiet tal-karozzi tal-linja li hemm maż-żewġ naħat ta’ Vjal l-Avjazzjoni, sabiex iżżid is-sigurtà għal dawk li jużaw it-trasport pubbliku, kif ukoll il-bankini u l-korsija għar-roti mal-ġenb tat-triq meta jkunu qed jivvjaġġaw minn u lejn l-Ajruport u għadd ta’ lokalitajiet u postijiet oħra fl-inħawi.

Permezz ta’ proġett ieħor li mistenni jitlesta dan is-sajf, Infrastructure Malta għaddejja b’ħidma biex twessa’ Vjal l-Avjazzjoni u żżid it-tielet korsija u korsija għar-roti fil-karreġġjata li mill-Ajruport u mill-mini ta’ Ħal Kirkop twassal għal Ħal Luqa, Ħal Qormi, Santa Luċija u Raħal Ġdid. Il-korsija għall-karozzi ġdida ser tgħaqqad il-bypass lane li nbniet is-sena li għaddiet fir-roundabout tal-Ajruport sabiex ittejjeb l-aċċess bejn il-mini ta’ Ħal Kirkop u l-istess Vjal l-Avjazzjoni fid-direzzjoni lejn Ħal Luqa. B’hekk, dan l-investiment qed ikompli jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar għal dawk li jgħaddu mill-mina ta’ Ħal Kirkop mid-direzzjoni ta’ Ħal Kirkop, Ħal Safi, ż-Żurrieq, l-Imqabba u l-Qrendi, kif ukoll minn toroq oħra li jingħaqdu fir-roundabout tal-Ajruport, minn Birżebbuġa, l-Gudja u Ħal Għaxaq.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend