Malta se sservi ta’ bażi loġistika għall-Aquarius – l-immigranti se jmorru kollha f’pajjiżi oħra

Il-Gvern Malti ta konċessjoni biex il-vapur Aquarius jidħol f’Malta b’141 immigrant abbord. Dan bil-patt li l-immigranti kollha jitqassmu bejn Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Portugall u Spanja. Fl-istess waqt sittin immigrant mill-114 li ddaħħlu f’Malta lbieraħ se jitqassmu bejn għadd ta’ pajjiżi Ewropej. Din kienet it-tieni darba li permezz ta’ mekkaniżmu volontarju, għadd ta’ pajjiżi Ewropej qablu li jaqsmu bejniethom il-piż tal-immigrazzjoni.

B’reazzjoni għal dan il-fethim il-Prim Minsitru Joseph Muscat ta ħajr lil bosta mexxejja Ewropej inkluż lill-President Franċiż Emmanuel Macron għal din l-inizjattiva konġunta li permezz tagħha ġiet solvuta l-kriżi tal-vapur Aquarius.  Min-naħa tiegħu, il-President Franċiż ta ħajr lil Malta u assiguraha mis-solidarjetà sħiħa ta’ Franza.

B’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li huwa kburi bl-inizjattiva tal-Gvern Malti li ħadem biex sab soluzzjoni għall-kriżi Ewropea waqt li ma għabbiex lil pajjiżna b’aktar milli jiflaħ.

ĦAMES PAJJIŻI SE JAQSMU L-IMMIGRNATI FUQ L-AQUARIUS

Se jkunu Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Portugall u Spanja li jaqsmu bejniethom il-141 immigrant abbord il-vapur MV Aquarius li fl-aħħar sitta u tletin siegħa kien bejn sema u ilma jitlajja fil-baħar Mediterran.

Dan wara li l-awtoritajiet Maltin taw konċessjoni biex il-vapur jidħol fil-port fil-waqt li l-immigranti abbord jitqassmu bejn ħames pajjiżi Ewropej. L-ebda wieħed minn dawn l-immigranti mhu se jibqa’ Malta.

Apparti dan, aktar min-nofs l-immigranti li ġew salvati mill-Forzi Armati Maltin matul il-jum tat-Tnejn se jittieħdu f’pajjiżi oħra.

Dan l-iżvilupp seħħ wara taħditiet bejn il-Prim Ministru Joseph Msucat u l-President Franċiż Emmanuel Macron li wasslu għal soluzzjoni għall-kriżi tal-vapur MV Aquarius. Dan bl-appoġġ ta’ għadd ta’ pajjiżi Ewropej u tal-Kummissjoni Ewropea.

Fi stqarrija, il-Gvern qal li l-konċessjon ingħatat minkejja li pajjiżna ma kellu l-ebda obbligazzjoni legali biex jagħmel dan. Qal li Malta kienet se sservi bħala bażi loġistika filwaqt li l-immigranti kollha abbord jitqassmu bejn Franza, il-Ġermanja, il-Lussemburgu, il-Portugall u Spanja.

Żied jingħad li 60 immigrant mill-114 li ġew salvati t-Tnejn se jitqassmu wkoll bejn għadd ta’ pajjiżi ewropew bħala parti minn koperazzjoni bejn il-pajjiżi Ewropej.

Il-Gvern qal li din kienet it-tieni darba li tħaddem dan it-tip mekkaniżmu volontarju wara li fil-bidu ta’ Mejju li għadda, l-immigranti abbord l-MV Lifeline tqassmu bejn disa’ pajjiżi Ewropej.

Il-Gvern qal li dan huwa eżempju konkret ta’ tmexxija Ewropea u solidarjetà.

Intant b’reazzjoni, il-Partit Laburista qal li huwa kburi bl-inizjattiva tal-Gvern Malti li ħadem biex sab soluzzjoni għal kriżi Ewropea filwaqt li ma għabbiex lil pajjiżna b’ aktar milli jiflaħ.

Il-Partit Laburista qal li ma jistax ma jifraħx lill-Prim Ministru għall-mod kif mexxa dawn in-negozjati, fejn sab bilanċ bejn l-interess Nazzjonali u d-dinjità umana, fejn issolviet kriżi Ewropea filwaqt li ma ntefax piż fuq Malta.

Il-Partit Laburista appella għall-għaqda Nazzjonali u qal li elementi estremi m’ għandhomx lok. Qal li wieħed għandu jara riżultati ta’ politika ta’ sens komun li mhux biss ġiet imfaħħra u rikonoxxuta minn pajjiż fundatur tal-Unjoni Ewropea bħal Franza,  iżda għal darba oħra pperswadiet pajjiżi oħra biex għat-tieni darba jerfgħu parti mir-responsabbiltà kif seħħ fil-każ tal-MV Lifeline fejn kriżi umanitarja ġiet evitata permezz ta’ medjazzjoni internazzjonali mill-Prim Ministru Malti.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend