It-tnedija tal-ewwel ‘forum’ tal-‘eSports’ – One News

Notifiki

It-tnedija tal-ewwel ‘forum’ tal-‘eSports’

Fix-xhur li ġejjin se titnieda strateġija biex tixpruna s-settur tal-video gaming kif ukoll għaddejjin preparazzjonijiet biex jittella’ l-ewwel tournament internazzjonali tal-eSports.

Is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, Ekonomija Diġitali u Innovazzjoni Silvio Schembri nieda l-ewwel forum tal-eSports bil-għan li jitjieb it-tagħlim dwar eSports kif ukoll biex jgħin fl-evoluzzjoni tal-qasam tal-gaming.

Silvio Schembri qal li fix-xhur li ġejjin se titnieda strateġija li tixpruna s-settur tal-video gaming. “Nemmnu bis-sħiħ li Malta, fl-isfont tal-ekosistema li toffri bħalissa għall-gaming u bħala d-dar ta’ eċċellenza għall-gaming, se tagħti l-ambjent ideali għall-atleti tal-eSports, għan-negozji u għall-kompetizzjonijiet biex ikomplu jikbru”, qal Silvio Schembri filwaqt li żied li filwaqt li hemm bżonn ta’ infrastruttura, l-ambjent ideali se jingħata permezz tal-politika tal-gvern li se jwasslu biex l-isforzi li qed isiru jkunu ta’ suċċess.

“Irridu li ninkoraġġixxu programmi ta’ taħriġ, boot camps, korsijiet dwar tmexxija ta’ team u benesseri fiżiċi. Fil-fatt, permezz ta’ Gaming Malta, qed naħdmu biex nospitaw l-ewwel tournament internazzjonali tal-eSport”.

Silvio Schembri rrimarka li bejn l-24 u d-29 ta’ Settembru Malta se tospita għall-ewwel darba l-konferenza Trojan Horse was a Unicorn li se sservi bħala parti integrali għall-ekosistema li toffri Malta għad-digital creative arts, se ssaħħaħ il-viżjoni biex ikomplu jissaħħu l-industrija tal-logħob u d-digital creative arts fl-istess waqt li l-innovazzjoni, l-edukazzjoni u li jkun attirat iżjed talent ikunu fuq quddiem nett tal-isforzi tagħna.

Ivan Filletti, responsabbli minn operat u żvilupp ta’ negozju fi ħdan Gaming Malta, qal li eSports jista’ u se jkun parti importanti fl-ekosistema Maltija. “L-ewwel eSports Forum se jservi ta’ opportunità biex nifhmu aħjar dan is-settur li qed ikompli jikber kif ukoll Malta tista’ sservi ta’ katalista bejn eSports u iGaming”. Ivan Filletti żied li għall-ewwel darba Malta se tkun fost l-esebituri fil-fiera ta’ Gamescom f’Cologne.

Simon Decesare, il-Kap Eżekuttiv ta’ Eden Leisure Group, affirma l-impenn tal-kumpanija li tkun fuq quddiem nett fl-innovazzjoni ta’ din l-industrija. Is-Sur Decesare spjega li l-pjan tal-kumpanija hi li tixpruna l-eSports b’mod li jikkumplimenta l-industrija tal-gaming. “eSports qed ikun żviluppat minn kumpaniji kbar u dan se jibqa’”. Simon Decesare qal li fl-aħħar xhur il-kumpanija nediet bosta proġetti li jagħtu spazju għall-atleti ta’ dan l-isport u proġett oħrajn li għad iridu jseħħu, fosthom tournament internazzjonali tal-eSports.

Fl-aħħar snin eSports kiber sew fil-popolarità tant li wassal għal industrija li qed tikber. Meta wieħed iħares lejh minn livell globali, id-dħul minn eSports hu stmat li fl-2020 jilħaq il-1.5 biljun dollaru.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend