Waqt il-programm ‘COVERAGE’, il-Ministru tal-Intern u s-Sigurta’ Nazzjonali Michael Farrugia qal li twaqqfu u qed jiġu investigati ċertu ajruplani li kienu qed jgħaddu minn pajjiżna sabiex jassistu vapuri ta’ għajnuna umanitarja b’immigranti li jkunu maqbuda bejn sema u ilma.
Il-Ministru Farrugia semma wkoll kif pajjiżna għandu l-Forżi Armati ta’ Malta kif ukoll l-Airwing li huma mħarġa bil-għan li jwettqu operazzjonijiet ta’ tiftix u salvataġġ.
Waqt l-intervista, l-Ministru qal li f’Malta hawn ir-rappreżentanti tad-disa’ stati li permezz tal-ftehim ad hoc, li huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu li ntlaħaq fl-Unjoni Ewropea, ser ikunu qegħdin jagħmlu l-assessjar tagħhom bil-għan li dawn l-immigranti li ġejjien minn aktar minn ħmistax-il pajjiż differenti, jiġu rilokti f’pajjiżi oħra.
Michael Farrugia semma kif il-ġimgħa d-dieħla huwa ser ikun qed jattendi għal-laqgħa Ewropea dwar l-immigrazzjoni fejn għall-ewwel darba ser jiltaqa’ ma’ Matteo Salvini.
Minkejja li l-Ministru esprima rieda tajba li f’każ li l-Italja titlob djalogu ma’ Malta dwar dan is-suġġett hija lesta li tagħmel dan, huwa għamilha ċara li m’huwa ħa jħalli lil ħadd jhedded lil pajjiżna.