Xufiera ta’ karozza tal-linja esprimiet id-dispjaċir tagħha li l-passiġġieri li kienet qed iġġorr bdew igergru għax waqqfet ix-xarabank biex tagħti l-ewwel assistenza lil raġel li kien mitluf minn sensiħ mal-art fil-Ħamrun.
Fuq il-midja soċjali, hija qalet li baqgħet skantata u diżgustata li l-passiġġieri tax-xarabank bdew igergru għaliex waqqfet il-vettura biex tgħin lil dan ir-raġel. Hija qalet ukoll li raġel ieħor li talabha ċċempel hi għal għajnuna għax ma xtaqx jaħli kreditu mill-mobile. Eventwalment ix-xufiera ċemplet lill-Pulizija li marru fuq il-post biex jgħinu lir-raġel.
Hija tenniet li għalkemm tifhem il-ħajja mgħaġġla tal-lum, madanakollu baqgħet impressjonata bin-nuqqas ta’ rispett lejn il-proxxmu.