Raġel ta’ 43 sena tilef ħajtu traġikament f’inċident tat-traffiku li seħħ taħt il-mina tal-Università fl-Imsida.
ONE NEWS jinsab informat li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-4.00 p.m. meta għal xi raġuni s-sewwieq tilef il-kontroll tal-mutur u baqa’ dieħel fil-ħajt.
Xhieda fuq il-post qalu li mad-daqqa x-xufier deher jimbeżaq minn fuq il-mutur u deher jitkaxkar għal bosta metri. Ambulanza ħadet lill-vittmi l-isptar bir-raġel jiġi ċċertifikat mejjet ftit tal-ħin wara li twassal l-isptar.
Il-mara, Pollaka ta’ madwar it-30 sena li kienet riekba l-mutur ġiet iċċertifikata li qiegħda ssofri minn ġrieħi serji.
Kawża tal-inċident kellha tingħalaq parti mill-mina għat-traffiku.
Dwar il-każ infetħet inkjesta mmexxija mill-Maġistrat Monica Vella li ħatret bosta esperti sabiex jassistuha fl-inkjesta.