Il-Gvern jerġa’ jissieħeb mal-Fondazzjoni Richmond – One News

Notifiki

Il-Gvern jerġa’ jissieħeb mal-Fondazzjoni Richmond

Il-Gvern se jkun f’kollaborazzjoni oħra mal-Fondazzjoni Richmond fi proġett li din qiegħda tniedi b’riżq żgħażaġħ bi problemi mentali bil-għan li l-problemi li jkunu għaddejjin minnhom jinqabdu fi stadju kmieni. Il-proġett jikkonsisti f’residenza speċifika biex fiha filwaqt li jkunu qegħdin jingħataw il-kura meħtieġa jibqgħu f’ambjent ta’ komunità. Il-proġett huwa l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu fejn jirrigwarda żgħażagħ. Ir-residenza se tkun f’Dar Fra Diegu l-Ħamrun u li l-Knisja għaddiet lill-Fondazzjoni.

Il-kollaborazzjoni tal-Gvern, li hija strumentali biex il-Fondazzjoni Richmond twettaq il-proġett tagħha, tħabbret mid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne waqt intervista li saritlu mill-programm televiżiv Xarabank li nhar il-Ġimgħa li għadda kien dedikat speċifikament għal ġbir ta’ fondi b’riżq dan il-proġett.

“Sfortunatament għad hawn stigma fejn għandha x’taqsam is-saħħa mentali. Stigma li hija fost il-fatturi li minħabba fihom dawk milqutin minn problemi ta’ saħħa mentali ma jirrikorrux għall-għajnuna. Dan is-servizz partikolari li se tkun qed toffri l-Fondazzjoni Richmond huwa konformi mal-pjan tal-Gvern fejn jirrigwarda l-ħtieġa ta’ intervent kmieni kemm jista’ jkun fl-għoti ta’ kura għal probemi mentali. Il-Gvern qed jaħdem fuq qafas ta’ servizzi għal dan il-qasam. Huwa wkoll fost l-għanijiet li se jkun qed jinkludi l-Pjan ta’ Strateġija Nazzjonali għal dan il-qasam u li se jkun mifrux fuq perjodu ta’ 10 snin. Konvinti li bi proġetti bħal dawn nistgħu nkunu ta’ ġid kbir u huwa għalhekk li l-Gvern se jkun qed jgħin sostanzjalment billi jħallas għas-servizzi mogħtijin mill-għaqdiet mhux governativi bħall-Fondazzjoni Richmond,” qal lil dan il-ġurnal id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Din ix-xorta ta’ kollaborazzjoni min-naħa tal-Gvern mhix l-ewwel waħda tax-xorta tagħha. Fil-fatt, l-Isptar Monte Carmeli permezz ta’ kollaborazzjoni mal-Fondazzjoni Richmond u mal-Fondazzjoni Suret il-Bniedem, għandu diversi hostels fil-komunità li fihom jgħixu numru ta’ pazjenti minflok fl-Isptar Monte Carmeli.

Mal-Fondazzjoni Richmond l-Isptar Monte Carmeli għandu tliet hostels, tnejn għall-pazjenti rġiel, waħda Ħal Qormi u oħra f’Raħal Ġdid li bejniethom għandhom 23 pazjent filwaqt li f’hostel oħra f’Ħ’Attard il-Fondazzjoni għandha 10 pazjenti nisa.

Rigward il-Fondazzjoni Suret il-Bniedem hemm tliet hostels oħra, tnejn għall-pazjenti rġiel li jinsabu t-tnejn fil-Marsa u bejniethom għandhom 18-il pazjent, u oħra għall-pazjenti nisa f’Birkirkara li tieħu 14-il pazjenta.

“Bħala Gvern ninsabu kommessi li nagħtu prijorità ġdida u kontinwità lis-saħħa mentali. Irridu li ma nħallux din il-problema tkompli tikber. Huwa għalhekk li ninsabu għaddejjin bix-xogħol fuq it-twettiq ta’ Pjan ta’ Strateġija Nazzjonali għal dan is-settur sensittiv. Se nkunu qegħdin nibnu sptar ġdid tal-kura psikjatrika qrib Mater Dei filwaqt li nkomplu bl-investiment meħtieġ biex fl-Isptar Monte Carmeli nkomplu noħolqu ambjent aktar modern u li jixraq lill-pazjenti li għandhom bżonn kura aktar fit-tul,” żied jgħid lill- KullĦadd id-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa Chris Fearne.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend