Ħatriet ġodda fil-Ġudikatura – għall-ewwel darba fl-istorja se jkun hemm maġġoranza assoluta ta’ nisa – One News

Notifiki

Ħatriet ġodda fil-Ġudikatura – għall-ewwel darba fl-istorja se jkun hemm maġġoranza assoluta ta’ nisa

Il-Gvern iħabbar li ta parir lill-President ta’ Malta biex taħtar tliet Imħallfin u tliet Maġistrati ġodda li kollha ġew approvati mill-Kumitat dwar il-Ħatra tal-Ġudikanti.

It-tliet Imħallfin il-ġodda se jkunu kollha persuni li llum iservu bħala Maġistrati; il-Maġistrat Anzjan Dr Anthony J. Vella, il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera u l-Maġistrat Grazio Mercieca.

It-tliet Maġistrati l-ġodda se jkunu Dr Rachel Montebello, Dr Simone Grech u Dr Astrid May Grima.

Dan ifisser li b’dawn il-ħatriet il-ġodda, għall-ewwel darba fl-istorja legali ta’ pajjiżna, se jkun hemm maġġoranza assoluta ta’ nisa fil-Ġudikatura; 23 ġudikant mara mqabbel ma’ 22 ġudikant raġel. Ħames snin ilu kienu biss 35 fil-mija l-ammont ta’ nisa fil-Ġudikatura.

B’dawn il-ħatriet il-ġodda, l-ammont ta’ ġudikanti komplessivament żdied b’erbgħa, meta mqabbel ma’ ħames snin ilu, jiġifieri żewġ Imħallfin iktar u żewġ Maġistrati iktar.

Dr Anthony J. Vella

Il-Maġistrat Anzjan Anthony J. Vella twieled fl-1965.  Wara li laħaq avukat fl-1991, huwa sar Maġistrat f’Jannar 2004. Huwa ġie elett minn fost il-ġudikatura bħala membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja bejn April 2012 u April 2018 u ilu jservi bħala Maġistrat Anzjan mill-2015 wara li l-predeċessur tiegħu f’dik il-kariga kien ġie elevat għall-Imħallef.

Fil-karriera tiegħu huwa serva bħala Maġistrat f’kawżi ta’ natura kriminali konnessi mal-Qorti tal-Familja, reati ambjentali u reati konnessi ma’ saħħa u sigurtà.  Huwa miżżewweġ u għandu żewġt itfal.

Dr Consuelo Scerri Herrera

Il-Maġistrat Consuelo Scerri Herrera twieldet fl-1964. Hija laħqet avukat fl-1988 u saret Maġistrat f’Mejju 1997. Hija ġiet ukoll eletta minn fost il-ġudikatura bħala membru tal-Kummissjoni għall-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja u membru tal-Kumitat ta’ Dixxiplina dwar il-Ġudikanti fi ħdan l-istess Kummissjoni.

F’dawn l-għoxrin sena ta’ ħidma bħala Maġistrat hija kellha kompetenza kemm ċivili u kemm kriminali. Bħalissa qed tissokta l-istudji tagħha billi ssegwi Ph.D fl-Università ta’ Malta fil-qasam tal-liġi kriminali.

Hija għandha tlett itfal.

Dr Grazio Mercieca

Il-Maġistrat Grazio Mercieca twieled fl-1957 u laħaq avukat fl-1982. Huwa sar Maġistrat f’Novembru 2016 wara li serva bħala Kummissarju għall-Ġustizzja, Arbitru u Court Attorneymal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili.

Huwa ppubblika diversi kotba b’rabta mal-liġi ċivili kemm mill-aspett sostantiv u kemm mill-aspett proċedurali.

Miżżewweġ, għandu tlett itfal u huwa wkoll nannu ta’ tnejn.

Dr Rachel Montebello

Dr Rachel Montebello twieldet fl-1975 u laħqet avukat fl-2000.

Hija ħadmet fil-kamp ċivili, kummerċjali u tal-familja u anke bħala arbitru. Serviet ukoll bħala Kummissarju għall-Ġustizzja u preżentament hija Court Attorney.

Hija omm ta’ tewmin.

Dr Simone Grech

Twieldet fl-1980 u laħqet avukat fl-2005.

Hija ħadmet fil-prattika privata u anke bħala assistent ġudizzjarju. Fl-2015 hija ġiet maħtura bħala Court Attorney mal-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili u fis-sezzjoni tal-Kummerċ.

Hija miżżewga u għandha żewġt itfal.

Dr Astrid May Grima

Dr Grima twieldet fl-1974 u laħqet avukat fl-2007.

Hija ħadmet fil-prattika privata f’kampi ċivili u tal-liġi tal-familja u sussegwentement serviet bħala Segretarja tal-Bord tad-Diretturi tal-Malita Investments p.l.c u bħala konsulenta legali tal-Aġenzija Identity Malta.

Hija għandha tifel.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend