L-Avukat Joe Brincat ressaq rikors quddiem il-Prim Awla tal-Qorti Ċivili biex ikun parti mill-kawża li fetaħ l-Avukat Tonio Azzopardi biex jikkontesta l-emendi li saru fil-liġi tal-IVF.
Fir-riskors tiegħu, l-Avukat Brincat qal li l-Avukat Azzopardi għamel kawża prattikament popolari biex jiddefendi ċertu prinċipji. Sostna li hu għandu dritt daqsu li fl-istess kawża jiddefendi l-validità tal-istess liġi li għaddiet mill-Parlament it-Tlieta li għadda.
Sosnta li kemm-il darba dik il-liġi kellha tiġi ddikjarata li tikser xi artiklu tal-konvenzjoni jew tal-kostituzzjoni, bl-istess mod it-tneħħija tagħha llum tikkostitwixxi wkoll ksur tal-Konvenzjoni Ewropeja għad-Drittijiet tal-Bniedem għal dawk il-koppji li għandhom ir-rieda li jsegwu proċedura ta’ IVF biex ikollhom it-tfal u jekk jiġu mżaħħda l-istat ikun qed jonqos mill-obbligazzjoni pożittiva tiegħu taħt il-Konvenzjoni Ewropea.
Dr Brincat sostna li din il-proċedura tal-IVF, kif sar s’issa, kienet aktar prattikata f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropeja u dan bi ħlas ta’ somom konsiderevoli. Għalhekk qal li jkun hemm ukoll ksur tal-Artiklu 14 tal-Konvenzjoni Ewropea għad-Drittijiet tal-Bniedem għax tinħoloq diskriminazzjoni u din fuq il-bażi tal-flus li persuna jkollha u l-istatus finanzjarju tagħha.
Fir-rikors tiegħu Dr Brincat qal li għandu dritt jiddefendi wkoll dak li hemm fil-Kostituzzjoni ta’ Malta fejn issostni li fejn jissemmew id-drittijiet tal-bniedem, min qed jagħmel il-kawża jrid juri li għandha interess dirett u personali u mhux biss interess ipotetiku jew ukoll bħallikieku qed issir azzjoni popolari f’isem xi grupp ta’ nies li l-anqas huma vittmi ta’ xi provvediment tal-istess liġi.
Huwa ġab għall-attenzjoni sentenza tal-Qorti Ewropea u qal li d-deċiżjoni tmur il-kontra ta’ dak li qed isostni l-Avukat Azzopardi u għalhekk talab li jingħata l-istess dritt illi jkun
parti fil-kawża kostituzzjonali.