Iċ-Chairman tal-Kumitat Permanenti dwar l-Affarijiet Barranin u Ewropej, Edward Zammit Lewis, flimkien mal-membru tal-istess kumitat, Anthony Bezzina, ipparteċipaw għal LIX Laqgħa tal-Kumitati Parlamentari tal-Unjoni Ewropea dwar l-Affarijiet Ewropej (COSAC) li nżammet f’Sofija, il-Bulgarija, bejn is-17 u d-19 ta’ Ġunju 2018. Dan bħala parti mil-laqgħat tad-dimensjoni parlamentari tal-Presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea bit-tema ‘Magħqudin inkunu aktar b’Saħħitna’.
F’din il-laqgħa kienu diskussi diversi temi inkluż l-andament tal-Presidenza Bulgara. Din is-sessjoni ġiet indirizzata mill-Prim Ministru Bulgaru, Boyko Borissov li spjega kif ġew attwati l-prijoritajiet tal-Presidenza Bulgara. Sessjoni oħra trattat il-pajjiżi Balkani tal-Punent bħala pajjiżi prospettivi sabiex jissieħbu bħala membri stati tal-Unjoni Ewropea fil-futur. Il-pilastri tad-drittijiet soċjali tal-Unjoni Ewropea, il-politika ta’ koeżjoni kif ukoll il-prinċipji tas-sussidjarjetà u proporzjonalità kienu kollha temi li ġew diskussi waqt din il-laqgħa.
Fi tmiem il-laqgħa l-parteċipanti adottaw b’konsensus kontribuzzjoni li titratta t-temi diskussi waqt il-laqgħa tal-COSAC. Din il-kontribuzzjoni tar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali tinbagħat lill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea.