L-ewwel titjira saret fil-25 ta’ Mejju ta’ ħames snin ilu meta dak iż-żmien bi qbil bejn it-Turkish Airline u l-Air Malta bdiet b’titjira darba fil-ġimgħa u llum tant kibret li qed ittir darbtejn kuljum; filgħodu u filgħaxija.
Filfatt matul dawn l-aħħar ħames snin ġarret ‘kważi nofs miljun passiġġier bejn Malta u t-Turkija, bl-ammont ta’ passiġiera jitla’ minn sena għal sena.
Ċifri li kiseb One news juru li fl-ewwel kwart ta’ din is-sena diġa ġiet reġistrata żieda fil-passiġiera li vvjaġġaw bejn Malta u Turkija, żieda ta’ tnejn u sebgħin fil-mija meta mqabbel mas-sena l-oħra.
B’reazzjoni, il-Ministru għat-Turiżmu Konrad Mizzi qal li t-turiżmu mit-Turkija żdied b’aktar minn għoxrin fil-mija fl-aħħar ħames snin. Żied li Turkish Airlines għenet biex ittejjeb il-konettività ta’ Malta ma’ pajjiżiz Asjatiċi u lejn l-Ewropa tal-Lvant.
Il-Kap Eżekuttiv tat-Turkish Airline Bilal Eksi tkellem dwar it-tkabbir li qed tirreġistra l-linja tal-ajru u m’eskludiex li tbiddel l-ajruplani li joperaw minn Malta għall-Airbus sabiex dawn ikollhom iżjed kapaċità ta’ passiġiera fis-sajf.
Żied li lil hinn minn Malta se żżid ukoll id-destinazzjonijiet lejn pajjiżi differenti u tibqa’ tuża l-Belt ta’ Istanbul bħala ‘ċentru għal aktar minn tlett mitt pajjiż fosthom titjiret lejn il-Cambodia, Bali u l-Messiku.
F’Ottubru li ġej mistenni jiftaħ l-ajruport il-ġdid fit-Turkija u li permezz tiegħu se jonqos il-ħin ta’ transizzjoni bejn pajjiżna u l-belt ta’ Istanbul li għandha ħafna x’toffri lil kull min iżurha.
Dan l-ajruport mistenni jkun wieħed state of the art u li ser jinkludi fost oħrajn Lounge għall-klijenti ta’ Turkish Airlines ta’ sitt elef metru kwadru.
Il-linja tal-ajru Torka lilha stabilità sa mill-elf disa mija tlieta u tletin u topera tlett mija u sitta u għoxrin ajruplan.