Il-President tal-Kummissjoni Ewropea Jean Claude Juncker sejjaħ laqgħa urġenti għal mexxejja Ewropej dwar l-immigrazzjoni.
Il-laqgħa li se ssir il-Ħadd li ġej, se jattendi għaliha wkoll il-Prim Ministru Joseph Muscat fejn mistenni jiltaqa’ ma’ Prim Ministru oħrajn fosthom il-Prim Ministru l-ġdid Taljan Giuseppe Conte.
Fi tweet, il-President tal-Kummissjoni Ewropea qal li sejjaħ il-laqgħa informali bil-għan li l-mexxejja Ewropej isibu soluzzjoni qabel is-summit li se jsir lejn l-aħħar tax-xahar.
B’reazzjoni, il-Prim Ministru qal li aċċetta l-istedina tal-President Juncker u tenna li Malta se tibqa’ konsistenti mal-prinċipji tagħha u li qed tħares ‘il quddiem li tikkontribwixxi għal dan id-dibattitu bil-għan li tittieħed azzjoni min-naħa tal-Unjoni Ewropea.
I have accepted @JunckerEU invitation for an informal meeting on #migration ahead of #EUCO. #Malta was and will remain consistent with its principles, and looks forward to contribute to the debate and action on a coordinated European response -JM #MigrationEU
Intant, id-Deputat Prim Ministru Taljan u Mexxej tal-Partit Cinque Stelle semma lil Malta meta kien qiegħed jiġi intervistat fuq il-programm Porta A Porta fuq Rai Uno t-Tlieta filgħaxija.
Luigi Di Maio ta x’jifhem li pajjiżu lest ixekkel il-provvista tal-elettriku jekk terġa’ tinqala sitwazzjoni bħal dik tal-Aquarius.
“A malta forniamo l elettricita. Da ragusa parte un cavo che da l elettricita a malta. E malta si a rifiutato di dare una mano al aquarius che stava nella sua acque nell area SAR di malta.”
B’reazzjoni għal kummenti ta’ Di Maio, fi stqarrija l-Gvern Malti tenna li aġixxa skont ir-regoli internazzjonali. Dan filwaqt li stqarr li jinsab sorpriż li n-nuqqas ta’ qbil dwar l-immigrazzjoni jidher li ntrabtu mal-elettriku li tirċievi Malta mill-interconnector.
Il-Gvern spejga li Malta tixtri l-enerġija mill-grid Ewropew permezz tal-interconnector, u x-xiri jsir b’rati kummerċjali minn diversi fornituri Ewropej.
L-istqarrija kompliet tgħid li l-ftehim fuq l-interconnector huwa rregolat mir-regoli Ewropej u jispeċifika l-kapaċità minima u massima, u ċ-ċirkostanzi meta din il-kapaċità tista’ titnaqqas.
Il-Gvern qal li jinsab fiduċjuż li l-awtoritajiet kompetenti Taljani se jiġbdu l-attenzjoni tad-Deputat Prim Ministru Taljan li l-ftehim huwa rregolat mir-rule of law.
Dan filwaqt li sitwazzjoni bħal din turi kemm il-Gvern għamel pass għaqli meta investa f’power station ġdida, u għaldaqstant Malta tista’ tiddependi fuqha nnifisha għall-bżonnijiet tagħha.
L-istqarrija temmet tgħid li l-interconnector jintuża bħala taħlita tal-enerġija li tifforma parti mill-politika tal-enerġija.