Tnaqqis ta’ 78% fin-numru ta’ wasliet ta’ persuni fil-Mediterran Ċentrali.
Dan ifisser li għal kull mitt persuna li qasmu mil-Libja għall-Ewropa qed jaqsmu biss 22 persuna. Dan elenkah il-Prim Ministru ta’ Malta Joseph Muscat waqt li kien qed jindirizza l-laqgħa tal-Core Group tal-MEUSAC f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi.
Joseph Muscat semma kif dan huwa riżultat ċar ħafna speċjalment fl-‘engagement’ li sar fuq livell lokali. Muscat saħaq kif minkejja li Malta qed tibqa’ turi sens ta’ solidarjetà, jeħtieġ li ssir distinzjoni fil-kompożizzjoni ta’ persuni li qegħdin ifittxu l-ażil f’pajjiżi membri tal-Unjoni Ewropea.
Semma kif trid tinħoloq distinzjoni bejn individwu li qed jaħrab minn gwerer u sitwazzjonijiet umanitarji li f’dan il-każ ikun bniedem ġenwin li qed ifittex l-ażil fi stat membri Ewropej u persuna li sabiex issib futur aħjar tagħżel li tmur fl-istess.
Semma li f’dawn iż-żewġ każijiet jeħtieġ li jkun hemm distinzjoni. Waqt l-indirizz tiegħu il-Prim Ministru Muscat semma kif Malta qed terfa’ l-piż impost minnha mill-Unjoni Ewropea fejn saħansitra saħaq li pajjiżna ssodisfa l-kwota tal-Kummissjoni Ewropea f’dak li għandu x’jaqsam mat-teħid tal-immigranti mill-Italja u mill-Greċja liema kalkolu sar permezz tal-mekkaniżmu ta’ emerġenza.
Sadanittant, Malta hija t-tieni l-aktar pajjiż b’numru ta’ applikazzjonijiet ta’ persuni li qegħdin ifittxu l-ażil per capita.