Lil ħafna dilettanti tal-futbol, it-Tazza tad-Dinja iġġibilhom memorji differenti. Mhux biss memorji marbuta direttament mal-futbol, imma jistgħu jkunu wkoll memorji ta’ ġrajjiet oħra, li mhux dejjem ikunu ġrajjiet sbieħ.
Proprju llum, jidħlu fl-azzjoni t-tim Ġermaniż, tim li għandu numru mhux ħażin ta’ partitarji f’pajjiżna. Fost dawn hemm Raymond Farrugia li l-partita tal-lum żgur li se jaraha bid-dmugħ f’għajnejh flimkien ma’ wliedu Andrea u Matthias. Ir-raġuni hi li proprju sentejn ilu, fis-17 ta’ Ġunju, waqt il-logħob tal-Euro 2016 fi Franza, ħalliet din id-dinja bint Raymond, Nicole, li hija wkoll kienet partitarja akkanita tal-futbol Ġermaniż.
Iltqajna ma’ Raymond għal ftit ħin u bid-dmugħ f’għajnejh qalilna li l-mewt ta’ bintu se tibqa’ marbuta mal-logħba tal-futbol. “Ilkoll kemm aħna nħobbu l-futbol u lkoll kemm aħna partitarji tal-futbol Ġermaniż. Nicole bħalna kienet u sentejn ilu konna qegħdin nistennew il-bidu tal-kampjonat Ewropew, bit-tama li l-Ġermaniżi jirrepetu s-suċċess miksub erba’ snin ilu fil-Brażil u hekk nerġgħu nifirħu flimkien,” qalilna Raymond. Imma ma kellux ikun.
Nicole iddaħħlet l-isptar b’marda serja u proprju fil-jum li l-Ġermanja lagħbet l-ewwel logħba tagħha tal-kampjonat Ewropew, dik kontra l-Ukrajna, Nicole qalbet għall-agħar, u għamlulha l-griżma. Ħamest ijiem wara, preċiżament fis-17 ta’ Ġunju, Nichol ħalliet din id-dinja. B’kampjonati simili jintlagħbu dejjem fix-xahar ta’ Ġunju, m’hemmx dubju li kull kampjonat, lil Raymond u lill-familja tiegħu, se jfakkruhom f’Nicole.