Il-Ministeru għat-Trasport, l-Infrastruttura u l-Proġetti Kapitali jicħad b’mod kategoriku dak li ġie rrapurtat minn ġurnal lokali li ser jitneħħew is-siġar kollha fl-inħawi tat-triq bejn Ħ’Attard u Ta’ Qali, triq li ser tinbena mill-ġdid bħala parti mis-Central Link Project.
Fil-fatt, skont dan il-progett, minbarra li l-maġġoranza tas-sigar indikati ser jitħallew fil-post f’central strip iddisinjata apposta, ser jiżdiedu 212-il siġra oħra, f’postijiet fejn bħalissa m’hemmx.
Waqt it-tfassil ta’ dan il-proġett, il-Periti tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta iddiskutew dan il-proġett mal-ERA sabiex il-proġett ikollu l-inqas impatt ambjentali possibbli.
Fil-fatt, il-maġġoranza tas-siġar li qed issir referenza għalihom u li jinsabu fi Triq l-Imdina ser jinżammu fejn huma u ser jiġu protetti permezz ta’ central strip li ser ssir apposta bejn iż-żewġ karreġġjati tat-triq f’direzzjonijiet opposti. L-awtoritajiet ambjentali ssuġġerew din is-soluzzjoni bħalma fil-fatt kien sar ukoll fil-proġett ta’ Triq il-Kosta fl-inħawi ta Kennedy Grove, u l-periti tal-Awtorità għat-Trasport f’Malta inkludewha bħala parti mill-miżuri ambjentali li ser jiġu introdotti.
Barra minn hekk, fejn ikun hemm siġar li jeħtieġ jitneħħew sabiex it-toroq ġodda jkunu aktar sikuri, ser jiġu mħawla mill-ġdid f’postijiet oħra waqt li fl-inħawi fejn ikunu tneħħew ser jitħawlu siġar oħra minflokhom. Is-siġar ġodda li ser jitħawlu f’sitwazzjonijiet bħal dawn mhux ser ikunu siġar żgħar, iżda ser jitħawlu siġar maturi tal-istess tip u tal-istess daqs ta’ dawk eżistenti.
B’hekk meta jitlesta is-Central Link Project mhux talli mhux ser jonqsu s-siġar, iżda se jkun hemm 212 aktar milli hemm llum.
Is- Central Link Project huwa proġett li se jtejjeb ir-rotta sħiħa bejn il-bypass tal-Imrieħel fid-direzzjoni lejn Birkirkara, Ħal Balzan u Ħ’Attard, u jibqa’ sejjer sar-roundabout tat-telgħa tas-Saqqajja, li tgħaqqad flimkien lil Ta’ Qali, Ħ’Attard, ir-Rabat, Ħaż-Żebbuġ u l-Mosta. Dan il-proġett se jiddisinja mill-ġdid 13-il ħolqa u jwessa’ l-bottlenecks b’korsija waħda matul din il-ħolqa arterjali.
Il-proġett mhux se jkun qiegħed itejjeb biss il-ħinijiet tal-ivvjaġġar, iżda se jnaqqas ukoll l-emissjonijiet mill-vetturi bi 13.5%. Is-Central Link Project ser itejjeb u jikkreja 7.4 kilometri ta’ korsiji ġodda u se jintroduċi 19,300 metru kwadru ta’ partijiet landscaped b’siġar u arbuxxelli, żewġ kilometri ta’ korsiji għaċ-ċiklisti, 10.7 kilometri ta’ passaġġi u faċilitajiet oħra għall-mixi u overpass separat b’għoli differenti għall-mixi u għaċ-ċiklisti.