Alvin Pullicino ta’ sitta u għoxrin sena minn Ħaż-Żabbar li jinsab mixli bl-attentat ta’ qtil ta’ oħt l-eks sieħba tiegħu ta’ tmienja u għoxrin sena u ta’ binha ta’ għaxar snin billi pprova jaħraqhom f’karozza, ingħata l-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €50,000.
Pullicino kien ilu jinżamm il-ħabs għal dawn l-aħħar ħdax-il xahar wara li f’Lulju tas-sena li għaddiet tressaq il-qorti flimkien ma’ kuġinuh Gavin Spagnol mixli bil-qtil tal-omm u binha.
Il-każ seħħ wara li allegatament Pullicino u kuġinuh ipprovaw iqabbdu l-karozza bil-mara u binha fi Triq il-Berebis f’Ħaż-Żabbar. Ingħad li waqt li t-tifel ħareġ mill-karozza, Pullicino allegatament fetaħ il-bieba u beda jxerred il-fjuwil fuq il-mara li kienet fil-karozza. L-omm irnexxielha tinżel mill-karozza u ħarbet tiġri lejn id-dar tagħha.
Fid-deċiżjoni tagħha, il-Qorti Kriminali ppreseduta mill-Imħallef Antonio Mizzi laqgħet ir-rikors ta’ Pullicino li sostna li kien ilu jinżamm il-ħabs għal dawn l-aħħar 11-il xahar.
L-Avukati Ishamel Psaila u Alfred Abela li dehru għall-akkużat qalu li l-kumpilazzjoni tax-xhieda tinsab fi stadju avvanzat ħafna tant li mhux biss xehdu x-xhieda pajżana u dawk kollha li kienu fuq il-post, iżda xehdu wkoll l-esperti kollha maħtura fl-inkjesta.
Innotaw ukoll li l-kuġin tal-akkużat ingħata ħelsien mill-arrest f’Marzu li għadda.
Żiedu jinnotaw li l-akkużat huwa missier ta’ tifla ta’ tmien snin u ilu għal dawn l-aħħar għaxar xhur ma jara lil bintu peress li mara involuta fil-każ, tiġi z-zija tat-tifla u oħt l-eks sieħba tiegħu.
Fid-deċiżjoni tiegħu, l-Imħallef Mizzi laqa’ t-talba għall-ħelsien mill-arrest fuq depożitu ta’ €10,000 u garanzija personali ta’ €50,000 fost għadd ta’ kundizzjonijiet oħrajn.