L-atleta Brian Galea, li qed jirrapreżenta lil Malta fit-Tazza tad-Dinja tal-Isparar li qed issir għall-ewwel darba f’pajjiżna, laqat 25 minn 25 plattina fl-ewwel minn ħames rawnds ta’ kwalifikazzjoni fid-dixxiplina tat-trap.
B’hekk, bidu perfett għat-tiratur Malti li jingħaqad ma’ 5 atleti oħra minn total ta’ 115-il atleta li s’issa wkoll irnexxilhom jolqtu l-plattini kollha fl-ewwel rawnd ta’ kwalifikazzjoni.
Brian Galea, li f’April li għadda rebaħ il-medalja tal-Bronz fil-logħob tal-Commonwealth f’Gold Coast l-Awstralja, jieħu sehem fit-tieni rawnd ta’ kwalifikazzjoni llum stess fis-2:15 ta’ wara nofsinhar. It-tlett rawnds l-oħra jsiru għada.
L-iktar sitt tiraturi li jolqtu plattini wara l-ħames rawnds ta’ klassifikazzjoni jipparteċipaw fil-finali tat-trap tal-irġiel għada fis-6:30pm.
Dalgħodu, it-tiraturi Maltin William Chetcuti u Mario Buhagiar, li wkoll qed jikkompetu fil-kwalifikazzjoni għall-finali tat-trap, laqtu 22 minn 25 plattina.