Bħalissa qed jitħejjew it-tenders biex tinxtara sistema li tara lir-Reġistru Pubbliku tal-Artijiet jirreġistra iktar artijiet f ’sistema organizzata li ilu ż-żmien jinħass il-bżonn tagħha.
Dawn id-dettalji tahom il-Ministru Ian Borg li fisser kif hawn ukoll il-Gvern qed jara li jwettaq bidla wara snin twal ta’ telqa. “Wara snin ta’ telqa, il-Gvern qiegħed fil-proċess li jirristruttura dan id-Dipartiment ħalli jkun il-mutur ewlieni filproċess ta’ reġistrazzjoni ta’ proprjetà.
Għaldaqstant, fiż-żmien qrib, ħa ssir struttura ġdida kemm f ’dak li jirrigwarda l-impjegati kif ukoll f ’dak li jirrigwarda sistemi ta’ reġistrazzjoni,” qal il-Ministru Borg.
Kien hawn li spjega li d-Dipartiment qiegħed fil-proċess li jinħarġu tenders permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti sabiex jinxtara hardware modern u ssir sistema kompjuterizzata ġdida, liema sistema hija intenzjonata li tkun waħda paperless u liema tenders għandhom jinkludu wkoll ix-xogħol li għandu jsir sabiex ikun hemm it-traspożizzjoni u t-trasfermiment tal-parcels u d-data li hemm fuq is-sistema preżenti għal fuq is-sistema l-ġdida.
Huwa maħsub li dan il-proċess ikun lest fl-aħħar tas-sena 2021. “B’din is-sistema l-ġdida, huwa antiċipat illi s-sistema għar-reġistrazzjoni tiġi faċilitata u titħaffef u allura tagħmilha possibbli li tkun miftuħa għall-interità ta’ Malta u Għawdex,” qal il-Ministru Borg.
Żied li għalkemm il-liġi dwar ir-Reġistru tal-Artijiet daħlet fis-seħħ fl-1981, wasal iż-żmien li l-Gvern jagħti l-importanza xierqa lill-irwol li qiegħed jaqdi dan id-dipartiment b’inizjattivi ġodda u dan sabiex verament joffri servizzi aktar faċli u b’inqas spejjeż, ta’ sistema ta’ reġistrazzjoni ta’ proprjetà bħalma hemm f ’pajjiżi oħra Ewropej.
Fis-sistema preżenti, ġewwa Malta u Għawdex hemm total ta’ 60,727 parcels ta’ proprjetà rreġistrata, li komplessivament ikopru żona ta’ 157.03 kilometri kwadri.
Din id-data mhix aċċessibbli mis-sistema preżenti imma ġiet kompilata permezz ta’ analiżi li saret f ’Diċembru tal-2017.
In-numru totali ta’ impjegati fir-Reġistru tal-Artijiet huma 35, 28 impjegat fl-uffiċċju ta’ Malta u 7 impjegati fl-uffiċċju ta’ Għawdex. Sest minn Malta u nofs minn Għawdex huwa ddikjarat bħala żona ta’ reġistrazzjoni u għaldaqstant kull nutar li jippubblika kuntratti li fiha jkun hemm proprjetà li qiegħda f ’dawn iż-żoni, ikun obbligat jirreġistra din il-proprjetà.
Minbarra l-proprjetà li hemm l-obbligu tar-reġistrazzjoni, jiġifieri dawk f ’żona ta’ reġistrazzjoni, qegħdin jiġu rreġistrati wkoll il-proprjetajiet li jappartjenu lill-Gvern kif ukoll il-proprjetà msemmija fl-Att dwar Proprjetà ta’ Entitajiet Ekkleżjastiċi.