ARA: Żviluppi fuq kontrolli aktar stretti f’siti ta’ kostruzzjoni – One News

Notifiki

ARA: Żviluppi fuq kontrolli aktar stretti f’siti ta’ kostruzzjoni

Fix-Xatt tal-Gżira, is-Segretarju Parlamentari għall-Ippjanar u s-Suq tal-Proprjetà Chris Agius, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis, u ċ-Chairman tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg indirrizzaw konferenza stampa  dwar l-infurzar fil-kostruzzjoni.

Chris Agius qal li l-Awtorità tal-Ippjanar u l-Building Regulations Office se jkunu qegħdin jingħaqdu flimkien biex jissaħħu l-ispezzjonijiet relatati mal-infurzar, liema infurzar huma mmirrati biex ikomplu jitnaqqsu l-abbużi li jista’ jkun hemm f’żoni ta’ kostruzzjoni. Dawn is-superviżjonijiet se jsiru kemm waqt il-ħinijiet normali tax-xogħol, kif ukoll wara l-ħin tax-xogħol u fil-Ħdud u l-festi.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius stqarr li jifhem u li hu konxju tad-diffikultajiet li jgħaddu minnhom ta’ kuljum residenti fi bliet u rħula minħabba nuqqas ta’ attenzjoni li ġieli tingħata minn min ikun qiegħed jagħmel ix-xogħol fis-siti ta’ kostruzzjoni. Għalhekk, huwa qal li għandha tintwera aktar sensittività f’kull lokalità, partikolarment f’postijiet bħall-Imsida, il-Gżira, tas-Sliema, u San Ġiljan, li huma żoni li barra li jaraw influss ta’ turisti, fihom hemm bosta żviluppi għaddejjin. Hu kompla jgħid li għaddejjin ukoll diskussjonijiet mal-kunsilli tan-naħa ta’ fuq ta’ Malta, fosthom dak ta’ San Pawl il-Baħar fejn ir-residenti wkoll jaffaċċjaw din ir-realtà.

Dan il-proċess se jiskatta nhar it-Tnejn 9 ta’ Ġunju fejn uffiċjali mill-Awtorità tal-Ippjanar u mill-Building Regulations Office se jagħmlu spezzjonijiet f’siti ta’ kostruzzjoni biex jaċċertaw fost l-oħrajn li l-hoarding u n-netting tal-iscaffolding saru skont il-liġi, kif ukoll li m’hemmx apparat ta’ kostruzzjoni fuq il-bankini li jista’ jipperikola s-sigurtà għal min ikun għaddej minn hemm.

Chris Agius assigura li xogħol li jinvolvi ħsejjes u trabijiet ma jsirx fil-Ħdud u l-festi, kif ukoll li xogħol ta’ twaqqigħ u skavar f’positijiet identifikati mill-Awtorità tat-Turiżmu ma jsirx fix-xhur tas-Sajf.

Is-Segretarju Parlamentari żied jgħid li jekk l-uffiċjali jsibu xi nuqqasijiet, dawn se jkunu qed jinfurmaw lill-iżviluppatur bin-nuqqasijiet li jkunu sabu u dawn tal-aħħar se jingħataw ħmistax-il ġurnata cans biex jirranġawhom. Jekk dak mitlub ma jsirx, ix-xogħlijiet jitwaqqfu b’mod immedjat u tiġi mposta multa ma’ kull jum li jgħaddi sakemm tiġi rranġata l-irregolarità.

Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius qal li l-intenzjoni tal-Gvern hija li jkun iżjed iebes fejn isiru talbiet għall-eżenzjonijiet mill-iżviluppatturi. Dan qed isir biex jitnaqqas l-inkonvenjent li jinħoloq għar-residenti. Huwa tenna li dan hu l-mod kif dan il-Gvern qed jaħdem—il-Gvern sema’ leħen il-poplu fuq dan il-fattur, u lest jaħdem biex jiġi aċċertat li l-poplu ma jbatix mill-iżvilupp.  L-iżvilupp huwa riżultat ta’ ekonomija b’saħħitha u jekk isir għandu jsir b’rispett lejn iċ-ċittadin.  Is-Segretarju Parlamentari Chris Agius għalaq billi qal li anke l-fatt li għandna entitajiet bħall-Awtorità tal-Ippjanar, il-Building Regulations Office,  u anke l-Malta Developers Association—li qegħdin jaħdmu flimkien biex jassiguraw li dan l-għan jintlaħaq—huwa messaġġ posittiv fih innifsu u messaġġ li jirrifletti l-ħidma tal-Gvern, Gvern wieħed b’viżjoni waħda, dik li jkompli jtejjeb il-kwalità tal-ħajja tar-residenti Maltin u Għawdxin.

Fl-intervent tiegħu, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali u Komunitajiet Silvio Parnis tenna li għandna napprezzaw il-ħidma li qed jagħmlu s-sindki u l-kunsilliera fil-lokalitajiet tagħna u li kulħadd għandu jurihom rispett. Silvio Parnis qal ukoll li minkejja li l-ekonomija miexja ħafna ‘l quddiem, irridu wkoll nuru rispett lejn ir-residenti tal-lokal u lejn l-ambjent u għalhekk hemm bżonn ta’ aktar infurzar. Filwaqt li faħħar il-ħidma li jagħmlu l-kuntratturi, is-Segretarju Parlamentari appella lill-kuntratturi kollha biex dejjem juru rispett lejn il-kunsilli lokali u lejn ir-residenti u biex dejjem jiżguraw li jkunu ttieħdu l-prekawzjonijiet kollha meħtieġa sabiex ma jkunx hemm żoni ta’ periklu.

Iċ-Chairman tal-Kunsill Eżekuttiv tal-Awtorità tal-Ippjanar Johann Buttigieg qal li, “l-Awtorità tal-Ippjanar se taħdem f’kollaborazzjoni mill-qrib mal-Building Regulations Office sabiex jiġi żgurat li l-industrija tal-kostruzzjoni tkun konformi mar-regolamenti tal-bini f’siti fejn il-kostruzzjoni u attivitajiet relatati jkunu għadhom għaddejjin. L-awtorità hija konxja mill-fatt li l-konċentrazzjoni ta’ siti ta’ kostruzzjoni huma ta’ inkonvenjenza u jaffettwa l-kwalità tal-ħajja tar-residenti li jgħixu fil-viċin. Għaldaqstant, dan huwa sforz konġunt biex tiġi mnaqqsa l-inkonvenjenza filwaqt li r-regolamenti tal-bini jiġu rrispettati. Johann Buttigieg qal li nħolqu tliet teams bejn uffiċjali mill-Awtorità ta’ l-Ippjanar u l-Building Regulations Office fejn minn nhar is-Sibt se jibdew jitwettqu spezzjonijiet fil-lokalitajiet tal-Ġzira, Tas-Sliema u San Ġiljan fuq kull sit fejn hemm kostruzzjoni għaddejja u fil-bqija tal lokalitajiet f’Malta u Għawdex.

Preżenti waqt din il-konferenza kien hemm ukoll rappreżentanti tal-Building Regulations Office, tal-Malta Developers Association u s-sindki tal-Imsida, l-Gżira, San Ġiljan u Tas-Sliema.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend