Għexieren ta’ ċiklisti nġabru flimkien biex f’rotta li ħadithom dawra ma’ pajjiżna jinġabru flimkien u jiċċelebraw l-ewwel jum dinji tar-roti filwaqt li jfakkru l-memorja ta’ Zoran Pavlovic – il-vittma tal-inċident bir-rota fil-Kappara fl-ewwel jum ta’ dan ix-xahar.
L-appell prinċiparju ta’ dawk miġbura kien li jiżdied ir-rispett lejn dawk li jużaw ir-rota bħala mezz ta’ trasport prinċiparju.
Waqt li poġġew il-fjuri biswit rota li tpoġġiet fil-post tal-inċident, kienu bosta li qasmu l-ħsibijiet tagħhom kif mhux dejjem jiġu murija r-rispett mistħoqq fit-toroq Maltin.
Iżda kien hemm ukoll min kellhu sentimenti pożittivi. Carmel Abela, konsulent fid-Dipartiment tal-Kura Intensiva fl-Isptar Mater Dei stqarr ma’ ONE News kif kemm ilu li rrikorra għar-rota bħala l-mezz ta’ trasport li bih imur għax-xogħol, sab bosta sewwieqa li rrispettaw il-preżenza tiegħu fit-triq.
Intant ONE News tkellem ma’ Matt Farrugia, teżorier tal-Bicycle Group Malta li żvela kif tul din il-ġimgħa kellhom laqgħa mal-Ministru għall-Infrastruttura Ian Borg li ddiskuta magħhom x’jista jkun is-sehem tagħhom fi pjanar tal-proġetti infrastrutturali.
L-appell aħħari tas-Sur Farruġia kien wieħed – Dak li kull min jagħmel użu mit-toroq Maltin, inkluż iċ-ċiklisti, jaħdem favur vjaġġar iżjed sigur għal kulħadd.
Intant waqt ir-rotta tagħhom, iċ-ċiklisti kellhom l-opportunità li jiltaqgħu mal-President ta’ Malta, Marie Louise Coleiro Preca li filwaqt li sellmet il-memorja tal-vittma tal-inċident, faħħret l-inizjattiva tal-Bicycle Group Malta li qed ikunu l-leħen għal iżjed rispett fit-toroq.