Notifiki

L-isptar Mater Dei huwa stmat li sewa aktar minn nofs biljun ewro – negliġenza fl-amministrazzjoni ta’ fondi pubbliċi

25 sena wara li beda jinbena l-isptar Mater Dei l-Awditur Ġenerali investiga l-proġett wara talba tal-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna.

Ħriġna 10 konklużjonijiet ewlenin minn dan ir-rapport li kien ippubblikat fl-aħħar jiem. Ħames snin wara li l-Partit Nazzjonalista m’għadux fil-gvern għadhom joħorġu stejjer li jikkonfermaw kif il-partit li llum hemm fl-oppożizzjoni ftit li xejn jista’ jitkellem dwar kontabilità u trasparenza. Għax mhux kredibbli.

L-Awditur Ġenerali ma setax jinvestiga kif xtaq għax fl-istadji differenti tal-proġett ma nżammitx dokumentazzjoni kif xieraq. Sostna li dan juri falliment istituzzjonali u negliġenza kbira fl-amministrazzjoni ta’ fondi pubbliċi.

Kien hemm każi fejn sar ħlas iktar minn kemm kellu jsir. “OVERPAYMENT” isejjaħlu l-Awditur Ġenerali fir-rapport tiegħu.

Wieħed mill-ftit kuntratti li nstabu kien dak għat-tagħmir mediku u l-għamara medika. L-Awditur Ġenerali kkonkluda li dan kien proċess ivvizzjat minn anomaliji proċedurali li ddaħħlu favur min rebaħ il-kuntratt bi żvantaġġ għall-kompetituri tiegħu.

Bejn l-2000 u l-2003, kien hemm tħassib dwar l-eskalazzjoni materjali fl-ispiża tal-proġett, bi nfiq finali stmat għal Lm121 miljun mill-ammont inizjali ta’ Lm83 miljun. Dan kompla tiela’ maż-żmien.

Il-Gvern ta’ Lawrence Gonzi kien daħal fi ftehim finali fejn kienet maqbula somma u ma kellhomx jinħarġu iktar pagamenti. Iżda, dan ma ġarax u baqgħu jitħallsu iktar miljuni ta’ ewro minn dak maqbul.

Il-ftehim magħruf bħala ‘waiver clause’ fejn il-Gvern ċeda d-drittijiet tiegħu li jfittex kuntratturi li ħadmu fuq l-isptar qajjem dubji dwar kemm kien imħares l-interess tal-Gvern. Saħansitra l-Awditur Ġenerali qal li l-Gvern kien miftuħ għal riskju sinifikanti.

Ladarba l-proġett kien waqa’ lura bil-kbir il-Gvern Nazzjonalista beda jkun iffukat fuq it-tlestija tal-proġett. Dan wassal biex l-aspetti ekonomiċi bdew ikunu injorati għal kollox.

Kaxxi li suppost kien fihom dokumenti u li meta l-Awditur Ġenerali żar il-Fondazzjoni għas-Servizzi Mediċi pretenda li jkollhom tagħrif importanti, instabu vojta.

L-Awditur Ġenerali jgħid li ċerti kwistjonijiet dwar xogħol ħażin tqajmu fi stadju bikri tal-proġett iżda kien hemm min ma tax kas. Dan wassal biex nuqqasijiet oħra mmaterjalizzaw kif irriżulta iktar ‘il quddiem fosthom meta sar ir-rapport dwar konkos inferjuri.

Bin-nuqqas ta’ dokument f’idejh l-Awditur Ġenerali wasal għall-aħjar stima ta’ €546 miljun. Dan ifisser FERM IKTAR minn kemm il-proġett kien stmat però inqas minn kemm fil-fatt sewa.

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend