L-Oppożizzjoni fi Spanja talbet għal vot ta’ sfiduċja fil-Gvern immexxi mill-Prim Ministru konservattiv Mariano Rajoy b’reazzjoni għal każ kbir ta’ korruzzjoni li jinsab involut fih il-Partit Popolari.
Il-mexxej tal-Partit tas-Soċjalisti Pedro Sanchez ikkonferma li l-Ġimgħa filgħodu l-Oppożizzjoni ressqet vot ta’ sfiduċja f’Rajoy biex fi kliemu tiġi rrestawrata d-demokrazija fil-pajjiż.
Huwa qal li l-għan tiegħu hu li Spanja tmur għal elezzjoni ġenerali bil-għan li Gvern ġdid soċjalista jiggarantixxi l-governabilità tal-pajjiż.
Is-sejħa tal-Oppożizzjoni saret wara li l-Ħamis, l-Ogħla Qorti fi Spanja kkundannat disgħa u għoxrin persuni fosthom uffiċjali għoja fil-Partit ta’ Rajoy 351 sena ħabs b’rabta ma’ wieħed mill-akbar skandli ta’ korruzzjoni fl-istorja moderna ta’ Spanja.
Mexxejja oħrajn Spanjoli qalu li Rajoy għandu żewġ għażliet, jew li jsejjaħ elezzjoni jew jħabbat wiċċu ma’ vot ta’ sfiduċja fil-kungress.
Fid-deċiżjoni tagħha, l-Ogħla Qorti fi Spanja sabet li l-Partit Popolari gawda minn skema kbira li kienet tinvolvi tixħim kbir minn skambju ta’ kuntratti pubbliċi. Il-Qorti ordnat li l-Parlament Ewropew biex iroddu madwar kwart ta’ miljun ewro.
Fis-sentenza tagħha, il-qorti tkellme dwar sistema effiċjenti u awtentika ta’ korruzzjoni istituzzjonalizzata bejn l-1999 u l-2005 li bdiet fi żmien it-tmexxija ta’ Jose Maria Aznar waqt li Rajoy kien f’kariga ewlenija kemm fil-Gvern u kemm fil-partit.