Bosta Maltin weħlu mat-television jaraw it-tieġ tal-Prinċep imqareb u b’xagħru aħmar (qisu kuġin tal-Avukat Ġenerali Dr. Peter Grech). Ma neħodha bi kbira xejn li l-Maltin tinteressahom il-Monarkija Ingliża għal ħafna raġunijiet, fosthom l-irbit li drajna bih mal-Ingilterra, u kemm hu faċli għalina li nitħalltu mal-Ingliżi. U ngħiduha wkoll kemm hawn nies li meta jħarsu lejn kunjomhom, isibu li ġejjin min-nisel Ingliż. U ngħiduhom hemm oħrajn ukoll li l-anqas jafu li ġejjin minn dan in-nisel, u l-unika waħda li kienet taf il-verità kienet ommhom.
Imma laqatni kemm tawh prominenza l-istazzjonijiet Taljani. U għalkemm ma narawx wisq television minn Franza, jidher li l-aktar magazines importanti f’Pariġi, ħarġu bil-kopertina fuq dan iż-żwieġ.
Laqat ħafna l-fatt li kien il-Prinċep Charles, missier l-għarus, li tella’ lil Meghan Markle sal-artal. Missierha ma kienx jiflaħ. Imma dak il-ġest ta’ Prince Charles ġie interpretat, u ma jistax ikun mod ieħor, kemm kienet aċċettata bħala mart il-Prinċep Harry.
Jien inqis li wara kollox dawn għażliet privati, u ħadd ma jista’ jindaħal lil ħadd. Però fil-każ tal-familja rjali Ingliża hemm tifsiriet qawwija ħafna.
Kulħadd jaf u ħadd ma ħeba li Meghan imnissla minn demm ta’ omm li ġejja min-nies tal-Afrika. Tagħmel xi differenza ? Għalija le, imma għal oħrajn iva.
U la żżewġu, jistennew li minn hawn u ftit żmien ieħor, ikollhom ukoll l-eredi. Ma jfissirx li għaliex missieru minn familja rjali, demmhom blue, u allura jitwieled jixbah lill-missier. Jista’ jerbaħ id-demm Afrikan, u jkollna l-ewwel tarbija ta’ lewn ta’ ġilda skura fil-familja rjali Ingliża, li suppost tirrappreżenta r-razza pura Ingliża.
Forsi ma ndumux wisq sa ma naraw prinċep jew prinċipessa li huma bħal ħafna ċittadini oħrajn tar-Renju Unit. Illum hemm nies fl-ogħla pożizzjonijiet li huma mnissla min-nies li mhux ta’ demm pur Ingliż. Darba kont qed nitkellem mat-tifel fuq l-isptarijiet fl-Ingilterra u qalli li l-isptarijiet huma miżmuma min-nies li mhux ta’ nisel pur Ingliż, jiġifieri n-nanniet u l-bużnanniet kienu Ingliżi tal-Ingilterra. Wara kollox il-Prinċep Philip, żewġ ir-Reġina, twieled Grieg u Daniż, twieled Korfu, u qabel iżżewweġ lir-Reġina neħħa ċ-ċittadinanza Griega u dik Daniża.
Jien nixtieq inkun naf x’jaħseb Adrian Delia. Dan iż-żwieġ juri li l-Ingliżi se jitilfu l-kultura tagħhom, se jitilfu l-identità tagħhom, se jispiċċaw minn dawk li huma u dejjem kienu ? Se nitniġġżu ?
Jidher li l-Prinċep Charles li wassalha l-biċċa korsija sal-altar ma jaħsibhiex bħal Adrian Delia. Lanqas in-nies li ferħu biha fuq barra, u ħafna u ħafna minnhom kienu ta’ ġilda bajdanija (anzi aħjar jaħsbu ħalli jiġi ftit għax-xemx ta’ Malta u jieħdu ftit kulur!)
Meghan riedet tagħmel sinjal. Kieku kien hemm Adrian Delia kien jiddarras żgur. Riedet turi li n-nies ta’ ġilda sewda għandhom kultura. Ġabet isqof li għamel priedka, ġabet il-Gospel Singers, u dan kollu taħt is-saqaf ta’ Westminster Cathedral.
Id-dinja llum verament niżżlet il-fruntieri ħlief fejn sabet l-għanqbut tal-imħuħ. Mhux faċli tnaddaf l-għanqbut.