Il-Prim Ministru Joseph Muscat, akkumpanjat mill-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia, u s-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima, inawgura l-proġett imwiegħed tax-shooting ranges ġodda fuq livelli internazzjonali, li tlestew ukoll fil-ħin biex Malta tospita għall-ewwel darba t-Tazza tad-Dinja tal-Isparar.
Fuq is-sit f’Ta’ Kandja, il-Prim Ministru seta’ jara l-faċilitajiet eċċellenti għall-isport u t-taħriġ li ħoloq dan l-investiment. Hu ltaqa’ wkoll mat-tiraturi li se jirrappreżentaw lil Malta fit-Tazza tad-Dinja u segwihom fl-azzjoni waqt esebizzjoni tad-dixxiplini tat-trap u skeet.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Joseph Muscat qal li t-titjib fl-infrastruttura huwa pass kruċjali u f’konformità assoluta mal-pjan tal-gvern li jlesti lil Malta għall-futur. Hu sostna li jħossu kburi bl-isforz li sar biex dan il-proġett ambizzjuż jitwettaq b’mod li huwa sostenibbli ambjentalment.
Fakkar kif, fis-sejħa oriġinali, il-proposta kienet li tiġi żviluppata shooting range fiż-żona tal-Bużbeżija. Dak iż-żmien kienet qamet kritika ġenwina u, meta evalwa kollox, il-Gvern ra li dak ma kienx il-post adegwat. “Għax il-proġetti jitwettqu u se jibqgħu jsiru, imma billi nżommu f’moħħna r-rispett lejn il-bilanċ u s-sens komun”, qal il-Prim Ministru.
Fil-fatt, eventwalment instab dan is-sit li joffri diversi benefiċċji fosthom it-tisħiħ tal-forzi dixxiplinati biex il-membri tagħhom ikollhom l-iktar mezzi sofistikati għat-taħriġ. F’din iż-żona hemm bażi tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili u l-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati u għalhekk dan il-proġett se jkompli jkabbar l-investiment f’dawn l-inħawi favur preparazzjoni aħjar tar-riżors uman.
Il-Prim Ministru Joseph Muscat semma kif, fl-isport tal-isparar, l-atleti Maltin huma ta’ livell internazzjonali u ħaqqhom infrastruttura ta’ livell internazzjonali.
Huwa qal li Malta tista’ tkun destinazzjoni sportiva li tattira l-aqwa atleti tad-dinja u turiżmu sportiv ta’ kwalità bi proġetti li jkunu ekonomikament vijabbli u li jrendu. Għalhekk, il-Gvern qed jaħdem fuq korsa taż-żwiemel ġdida, trakka tal-motor sport u pixxina indoor, fost oħrajn.
Il-Prim Ministru qal li pajjiżna ma jridx jikkuntenta ruħu biss bil-parteċipazzjoni imma jimmira għas-suċċess. Huwa sostna li l-Gvern se jkompli jinvesti fl-infrastruttura u fi strategiji ċari biex jinkisbu riżultati ta’ kalibru internazzjonali, mhux darba fil, imma b’mod regolari.
Min-naħa tiegħu l-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Michael Farrugia qal li dan il-proġett jixhed kooperazzjoni sħiħa u kollaborazzjoni kontinwa bejn ministeri differenti, il-Korp tal-Pulizija, l-Akkademja tal-Forzi Dixxiplinati u Sports Malta. Huwa qal li dan hu bidu ta’ proċess ta’ ċentru ta’ taħriġ u kompetizzjoni f’pajjiżna, sabiex mhux biss ikollna ċentru sportiv mill-aqwa, imma l-korpi dixxiplinati jkollhom l-aqwa faċilitajiet fejn jagħmlu t-taħriġ.
Is-Segretarju Parlamentari għaż-Żgħażagħ, Sport u Għaqdiet tal-Volontarjat Clifton Grima qal li dan il-proġett mhuwiex biss it-twettiq ta’ wegħda imma anke it-twettiq ta’ ħolma li mijiet ta’ dilettanti tal-isport tal-isparar f’pajjiżna ilhom biha ħafna snin. Huwa fakkar kif taħt amministrazzjonijiet passati kien hemm ir-riskju serju li din tibqa’ ħolma, iżda l-viżjoni u l-għaqal ta’ dan il-gvern wasslu biex illum saret realtà.