Illum mistennija titressaq il-Qorti l-mara Għawdxija li ftit tal-jiem ilu allegatament talbet lil raġel bl-isem ta’ Ronald Mallia biex jagħmel telefonata b’theddida ta’ bomba fuq il-vapur ta’ Għawdex. Dan x’aktarx minħabba li l-mara kellha każ il-Qorti f’Malta u ma riditx tattendi għalih.
It-Tnejn li għadda Mallia tressaq il-Qorti wara li l-ġimgħa li għaddiet għamel theddida ta’ bomba li ma kinitx veru fuq vapur tal-Gozo Channel. B’konsegwenza li qajjem kjass sħiħ fil-pajjiż tant li numru ta’ persuni saħansitra tilfu t-titjiriet tagħhom.
Hu nħeles mill-arrest b’garanzija personali ta’ €20,000. Hu kien ordnat ukoll jiddepożita l-passaport u dokument legali ieħor inkluż il-karta tal-identità, li ma jkellimx lix-xhieda, li ma jwettaqx reat kriminali ieħor, li jiffirma darbtejn fil-ġimgħat fl-Għassa tal-Mosta u li jkun id-dar sad-21:00 ta’ filgħaxija.