ARA: Riġenerazzjoni ta’ bajjiet f’San Ġiljan u Buġibba – One News

Notifiki

ARA: Riġenerazzjoni ta’ bajjiet f’San Ġiljan u Buġibba

L-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu qed twettaq eżerċizzju immirat lejn ir-riġenerazzjoni tal-Bajja ta’ San Ġorġ f’San Ġiljan u l-Perched Beach ta’ Buġibba, qabel ma jidħlu sew ix-xhur tas-sajf u jimtlew aktar il-bajjiet.

Dan il-proċess jinvolvi t-tneħħija ta’ ramel biex tissolva l-problema ta’ akkumulazzjoni tul iż-żmien. Wara dan il-proċess, ir-ramel jiġi distribwit ’l barra, sabiex il-bajjiet jikbru kemm jista’ jkun. Dan kollu jsir skont il-linji gwida ambjentali u permessi neċessarji. Fost ħafna konsiderazzjonijiet oħra, l-MTA hija konxja bil-preżenza ta’ kolonji ta’ Posedonja, li jagħmlu z-zoni in kwistjoni sensittivi għall-ambjent ekoloġiku ta’ Malta.

Il-Ministru responsabbli mit-Turiżmu, Dr Konrad Mizzi, qal li dan l-eżerċizzju jaqbel perfettament mal-isforzi tal-Awtorita’ Maltija għat-Turiżmu biex il-bajjiet Maltin ikunu bajjiet ta’ kwalita’. Qal li hemm aktar proġetti kbar ippjanati fit-tul, li huma mistennija jtejbu l-prodott offrut. Dawn il-proġetti huma maħsuba għal zoni turistiċi u mhux biss il-bajjiet.

Ta’ min jinnota li l-kosta Maltija għandha rwol importanti ħafna fl-ekonomija u tattira numru sostanzjali ta’ turistu li jiġu pajjiżna jfittxu li jesperjenzaw il-baħar. Bla dubju wkoll li l-bajjiet huma popolari ferm mal-Maltin stess, speċjalment fis-sajf u fi tmiem il-ġimgħa. Id-domanda għax-xemx u l-bajjiet hija għolja fl-Ewropa kollha. Infatti, skont l-Ewrobarometru annwali tal-2013, ir-raġuni ewlenija għall-ivjaġġar fis-sena ta’ qabel kienet li wieħed iqatta’ ħin igawdi x-xemx u l-bajjiet.

F’destinazzjoni Mediterranja bħal m’hi Malta, il-kosta u l-bajjiet huma parti essenzjali. Iz-zoni ta’ San Ġiljan u Tas-Sliema jipprovdu xejn inqas minn 46% tas-sodod disponibbli għat-turisti, filwaqt li z-zoni tat-tramuntana, li jinkludu San Pawl il-Baħar, il-Mellieħa u l-Marfa, jipprovdu 41% oħra. Studju tal-MTA juri żieda fid-domanda għall-bajjiet, minn 35% fl-2007 għal 48% fl-2013. Madanakollu, bajjiet bir-ramel jikkostitwixxu 3% biss mill-kosta, u allura huma fost l-iktar popolati fid-dinja. Huwa għal dan il-għan li nħolqu bajjiet artifiċjali f’San Ġorġ u Buġibba. Iż-żewġ proġetti huma popolari ferm mat-turisti u mal-Maltin u qed jipprovdu faċilitajiet li kienu ilhom mixtieqa snin.

Ir-riġenerazzjozni ta’ dawn il-bajjiet jipprovdi spazju addizzjonali, u l-impatt jinħass ferm iktar meta wieħed iqis kemm huma qrib iz-zoni l-aktar popolari mat-turisti. Minbarra l-ħolqien ta’żewġ bajjiet artifiċjali, tul is-snin l-MTA ħadmet lejn l-iżvilupp ta’ bajjiet ta’ kwalita’. Sa llum, Malta ingħatat disa’ ‘quality flags’ għall-isforzi tagħha fil-ħolqien ta’ bajjiet sostenibbli. Fl-2015, l-MTA importat 5,300 tunnellata metrika ta’ ramel tal-granit, biex ikollha ramel disponibbli għall-manutenzjoni u ż-żamma ta’ dawn il-bajjiet.

Ta’ min jinnota wkoll li dan l-eżerċizzju jimxi id f’id mal-premju Blue Flag li tingħata Malta kull sena. Din is-sena infatti, il-gżejjer Maltin ikkonfermaw tnax-il bajja bl-istatus Blue Flag.

Iċ-Chairman Eżekuttiv tal-MTA, Dr Gavin Gulia, ikkonkluda billi emfasizza fuq l-importanza li jkun sostunut l-interess lejn aktar żvilupp ta’ bajjiet madwar Malta u Għawdex, biex b’hekk pajjiżna jkunu jista’ jimmassimizza minn dan ir-riżors importanti.

 

Ta’ QabelLi Jmiss

Leave a Reply

Your email address will not be published. Required fields are marked *

Send this to a friend