Jeħtieġ li titwaqqaf Awtorità tal-Kiri bil-għan li tirregola s-suq tal-kera billi tistabbilixxi kriterji li jkunu favur sid il-kera kif ukoll l-inkwilin. Dan ħabbru s-Segretarju Ġenerali tal-General Workers Union Josef Bugeja waqt li kienu qed jiġu mressqa l-proposti b’rabta mal-White Paper dwar ir-riforma fis-suq tal-kera.
F’dan id-dokument jissemma l-ħtieġa li din l-Awtorità tieħu l-irwol ta’ regolatur li jkollha l-istess setgħat li għandu il-Bord tal-Kera bil-kapaċità ta’ Tribunal.
Fost il-proposti hemm li sid il-kera li għandu fond disponibbli fis-suq tal-kera għandu jirreġistra l-imsemmija propjeta’ mal-Awtorita’ tal-Kiri liema reġistrazzjoni li tiġi mġedda minn żmien għal żmien u li tkun ipprovat permezz ta’ liċenzja għal tal-apposta.
Apparti minn hekk, l-istess Awtorità għandu jkollha Sezzjoni tal-Infurzar bil-għan li tkun tista tiskrutinizza l-kuntratti reġistrati tal-kera kif ukoll tagħmel l-ispezzjonijiet meħtieġa fuq il-post tal-propjetà mikrija. Dan bil-għan li l-propjeta’ tkun f’ambjent sigur, ta’ sanità tajba kif ukoll tara li l-fond isirulu l-manutenzjonijiet neċessarji f’każ ta’ nuqqasijiet.
Minbarra l-Awtorità, il-General Workers Union qed tipproponi li għandu jkun hemm Tribunal li jkollha ġurisdizzjoni privata u kummerċjali sabiex b’hekk ikun jista jiddeċiedi każijiet bejn il-kerrej u l-inkwilin f’dak kollu li għandu x’jaqsam mal-kirja, s-servizz provdut, l-ewwel depożitu tal-kera, l-manutenzjonijiet kif ukoll klawsoli oħra tal-kuntratt li jkun sar bejn sid il-kera u l-inkwilin. Id-deċiżjonijiet ta’ dan it-Tribunal huma wkoll soġġetti għall-appell.