“Proud of my Politics” – dan l-isem ta’ kampanja ġdida mill-Forum Żgħażagħ Laburisti.
Kampanja bbażata fuq it-twemmin u t-tisħiħ tal-ideali soċjalisti, femministi u progressivi, li qed imexxu ’l pajjiżna ’l quddiem fil-mixja tiegħu.
Il-President ta’ Forum Żgħażagħ Laburisti, Naomi Cachia, spjegat kif l-FZL hu kburi bil-progress li qed jikseb pajjiżna, u għaldaqstant issa hu ż-żmien li b’dawn il-valuri bħala bażi, tieħu iktar ħajja d-diskussjoni għal iżjed ideat.
Din il-kampanja se sseħħ primarjament online, kif ukoll bit-twaħħil ta’ numru ta’ banners fit-toroq u l-pjan ta’ attività iktar ’il quddiem.
Cachia spjegat kif b’din il-kampanja jridu jwasslu l-messaġġ li rridu nħallu warajna ż-żmien li persuna tkun attakkata għat-twemmin politiku tagħha, u minflok ikunu diskussi l-ideat u l-valuri.
B’hekk iktar persuni jkunu attirati lejn l-isfera politika u tikber id-diskussjoni biex isir iżjed ġid għal pajjiżna.