Il-Eurovision Song Contest tas-sena d-dieħla se jsir f’Ġerusalem f’Iżrael wara li l-kanzunetta Toy rebħet l-edizzjoni li saret f’Lisbona, il-Portugall.
Il-kantanta Netta ssiġillat ir-rebħa tagħha f’taqtiegħa sal-aħħar ma’ diversi pajjiżi fosthom Ċiprju u l-Awstrija.
Madankollu kienet Netta li ħalliet l-akbar impressjoni fuq il-popli Ewropej. Waqt li l-Awstrija permezz tal-kantant Cesar Sampson kisbet l-akbar ammont ta’ punti mill-voti tal-ġurija, Netta kisbet l-akbar ammont ta’ voti mill-pubbliku biex rebħet dan il-konkors li rawh xejn anqas minn mitejn miljun telespettatur madwar id-dinja.
Fil-fat kien il-vot tal-pubbliku li qaleb ir-riżultat bil-favorita Netta tegħleb l-isfida taċ-Ċiprijotta Eleni Foureira li kisbet it-tieni l-akbar ammont ta’ voti mill-pubbliku.
Fl-ewwel reazzjoni tagħha, Netta tat ħajr għal din iċ-ċelebrazzjoni ta’ diversità.